7 TA’ MEJJU 2011
Minkejja li fl-aħħar logħba ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Tarxien Rainbows, Valletta rnexxielhom jispiċċaw il-kampjonat mingħajr telfa f’jum iċ-ċelebrazzjoni tal-20 kampjonat mirbuħ minnhom. Il-prestazzjoni ta’ Valletta kienet bogħod ħafna mill-forma li wasslet biex rebħu l-kampjonat.
Valletta fetħu l-iskor wara 14-il minuta meta TERENCE SCERRI twaqqa’ fil-kaxxa minn Lee Galea bir-referee Paul Caruana jordna penalty. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess plejer li ma falliex. Tarxien ġabu d-draw fil-41 minuta bi kross ta’ Julian Vella jsib lil RICARDO COSTA li b’daqqa ta’ ras minn nofs il-kaxxa għeleb lil Andrew Hogg.
Iżda Valletta reġgħu marru fil-vantaġġ minuta wara meta kien EDMOND AGIUS li fuq kross ta’ Kevin Sammut għeleb lil David Cassar minn mal-art. Ir-Rainbows fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod meta ġabu d-draw fis-47 minuta. Minn kross ta’ Justin Grioli, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni tal-attakkant DANIEL MARIANO BUENO li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Andrew Hogg.
Minkejja r-riżultat, it-tisfira finali ġabet ferħ fuq wiċċ il-kowċ ta’ Jesmond Zerafa li minbarra li laħaq it-tragward tal-kampjonat, kiseb tragward li rebaħ il-kampjonat bħala kowċ bi 18-il rebħa, 10 draws u mingħajr telfa. Wara l-partita, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Norman Darmanin Demajo ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Valletta Gilbert Agius.
//= $special ?>