In-numru ta’ turisti li ġew Malta fix-xahar ta’ Marzu li għadda kien ta’ 75,157, li jfisser nuqqas ta’ 56.5% meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra. Dan it-tnaqqis kien kaġun l-aktar minħabba l-għeluq tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
64,834 ġew Malta biss għall-btala filwaqt li 5,360 waslu għall-ħtiġijiet ta’ negozju. Il-maġġoranza ta’ turisti li waslu Malta kellhom bejn il-25 u l-44 sena, li jammontaw għal 39% filwaqt li dawk ta’ età ta’ bejn l-45 u l-64 sena kienu jammontaw għal 34.8%.
L-akbar numru ta’ turisti waslu mir-Renju Unit, li kienu jammontaw għal 31.2%. In-numru ta’ ljieli li qattgħu f’Malta t-turisti niżel b’60.2% meta kkumparat ma’ Marzu tal-2019.
L-infieq totali mit-turiżmu kien dak ta’ €43.6 million, tnaqqis ta’ 62.6% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra. Sadanittant in-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisisti f’Malta, f’Marzu li għadda wera tnaqqis ta’ 20% filwaqt li l-infieq kien ta’ €224.6 million, 17.5% anqas minn Marzu tal-2019.
//= $special ?>