Iċ-Ċina qalet li qed tappoġġja lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-isforzi biex jinstabu l-oriġini tal-pandemija tal-Covid-19 li feġġet fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Sadanittant, il-Gvern komunista f’Beijing akkuża lis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, b’li ‘qed joħroġ gidba wara l-oħra fl-ossessjoni tiegħu biex jattakka liċ-Ċina’.
Il-coronavirus (Covid-19) qatel ‘il fuq minn 255,000 persuna madwar id-dinja, fosthom ‘il fuq minn 70,000 fl-Istati Uniti.
Dan meta l-President Amerikan, Donald Trump, irrefera għall-coronavirus bħala ‘l-agħar attakk fil-konfront tal-Istati Uniti’, waqt li waħħal fiċ-Ċina ‘talli ma waqqfitux’.
Trump qal li s-sitwazzjoni kienet ‘agħar minn ta’ Pearl Harbour (l-attakk storiku mill-qawwiet tal-ajru tal-Ġappun fuq l-Istati Uniti fit-Tieni Gwerra Dinjija) u ‘l-attakki terroristiċi (tal-2001) mill-militanti al-Qaeda fuq il-World Trade Center’. Hu tenna li ċ-Ċina messha waqqfet il-kriżi tal-Covid-19 mis-sors iżda naqset milli tagħmel dan .
Sadanittant, Mike Pompeo akkuża liċ-Ċina b’li żammet għaliha kampjuni tal-virus li huma meħtieġa għal riċerka fuq livell internazzjonali, meta d-dinja qed tittama li jinstab vaċċin għall-kontra l-marda. Pompeo qed jesiġi wkoll biex ir-reġim taċ-Ċina juri sens akbar ta’ trasparenza waqt il-kriżi.
Numru ta’ esperti jemmnu li l-Covid-19 oriġina f’suq taċ-Ċina fejn kienu qed jinbiegħu l-annimali slavaġ – bil-virus ikun trasmess mill-annimali għall-bniedem. Sadanittant, Mike Pompeo u l-President Trump qalu, mingħajr ma elaboraw, li jeżistu provi li l-coronavirus ‘kien prodott minn laboratorju’.
L-Istati Uniti anki akkużat lill-WHO talli damiet wisq biex tirreaġġixxi għall-Covid-19, bit-Tmexxija f’Washington qed twettaq pressjoni fuq l-organizzazzjoni ‘biex tinsisti li ċ-Ċina tkun suġġetta għal investigazzjoni speċifika.
Min-naħa tagħhom, kelliema għall-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin qalu li ċ-Ċina lesta biex tgħin l-impenn tal-WHO fl-investigazzjonijiet dwar l-oriġini tal-Covid-19. Beijing qed jgħid li dejjem lest li jikkoopera mal-WHO f’din il-kwistjoni, waqt li qed jindika ‘sinjali minn Franza, l-Iżvezja u anki l-Istati Uniti li l-virus seta’, fil-fatt, ma ħariġx miċ-Ċina.’
Il-Gvern taċ-Ċina qed jenfasizza li x-xjenzati għad ma waslux għal konklużjoni dwar il-virus u li Mike Pompeo qed jgħaġġel fil-konklużjoni ‘li l-Covid-19 oriġina minn laboratorju f’Wuhan’ filwaqt li ma preżentax il-provi.
Min-naħa tagħha, il-WHO qed tħeġġeġ biex il-pajjiżi jinvestigaw kwalunkwe każi suspettati ‘preċedenti’ f’arthom u fissret il-kummenti ta’ Pompeo dwar ‘il-laboratorju’ bħala kliem spekulattiv.
Iċ-Ċina qed tinsisti li ‘l-uniku għadu’ fiċ-ċirkustanzi hu l-coronavirus innifsu li, illum, żviluppa bħala ‘l-avversarju tal-umanità’.
Fl-istess ħin, l-Ambaxxxatur tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċina, Nicolas Chapuis, esprima ‘dispjaċir’ li sezzjoni partikulari ta’ artiklu dwar il-pandemija – li jirrifletti l-opinjoni tas-27 ambaxxatur tal-Unjoni u li kien ippubblikat fil-gazzetta China Daily – tneħħiet qabel il-pubblikazzjoni.
F’dan il-każ instab li referenza fl-artiklu li hi relatata maċ-Ċina ‘u l-firxa tal-virus mill-pajjiż għall-bqija tad-dinja fi kwistjoni ta’ xhur) tneħħiet mill-artiklu stampat f’dik il-gazzetta uffiċjali taċ-Ċina.
//= $special ?>