Coronavirus Futbol Sport

Il-Bundesliga se jitkompla mis-16 ta’ Mejju

(Ritratt: beINSPORTS)

Wara li ilu sospiż min nofs Frar minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-Kampjonat Ġermaniż se jirritorna mis-16 ta’ Mejju bis-26 ġurnata. Dan tħabbar mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ġermaniża (DFL), il-pjan ġie mfassal mill-President tal-istess assoċjazzjoni Christian Seifert bl-ewwel sitt logħbiet jintlagħabu fl-ewwel ġurnata li dan il-kampjonat jirritorna.

L-aktar partita li tispikka se tkun id-derby bejn Borussia Dortmund u Schalke. L-assoċjazzjoni ħabbret ukoll li l-logħbiet kollha se jkun qed jintlagħabu taħt sigurtà stretta, mingħajr partitarji kif ukoll se jkunu osservati l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-plejers mistennija jiġu ttestjat darba fil-ġimgħa, jekk plejer jirriżulta pożittiv dan se jiġi iżolat u jitpoġġa fi kwarantina ta’ erbatax –il jum flimkien ma’ dawk in-nies li kellhom kuntatt mal-individwu.

Il-pjan hu li l-kampjonat jintemm fis-27 ta’ Ġunju, min naħa tagħha d-DFB qed tittama li tlesti s-semifinali u l-finali tad-DFB Pokal sal-aħħar ta’ Ġunju, dan qed issir biex jitnaqqsu l-komplikazzjonijiet minħabba dawk l-plejers li għandhom il-kuntratt sat-30 ta’ Ġunju. Fil-klassifika tal-Bundesliga, Bayern Munich għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti u kollox se jiddependi mill-aħħar disa’ logħbiet.