Coronavirus Sport Waterpolo

Il-kampjonat Taljan A1 tal-waterpolo fejn jilagħbu Stevie Camilleri u Matthew Zammit kostrett jintemm

Il-kampjonati tal-waterpolo A1, A1 u B fl-Italja tal-irġiel u tan-nisa ntemmu hekk kif ma kienx possibbli li jkun garantit li jitkomplew f’qasir żmien kawża tal-Covid-19. Il-Federazzjoni Taljana tal-Għawm ħabbret li mhux se jkun hemm rebbieħ tal-kampjonati filwaqt li mhux se jkun hemm relegazzjoni. Ġew blokkati wkoll il-promozzjonijiet. B’hekk fl-istaġun 2020/21 meta jibda, il-kampjonat Taljan A1 tal-irġiel xorta se jkun hemm 14-il tim. Il-format tal-kampjonat Taljan A1 hu li wara żewġ rawnds, l-ewwel sitta fil-klassifika jikkwalifikaw biex jilagħbu għar-rebħ tal-kampjonat.

Il-kampjonat Taljan A1 kellu attenzjoni speċjali għal Malta minħabba l-preżenza ta’ Stevie Camilleri li jilgħab ma’ Roma Nuoto u Matthew Zammit ta’ Telimar Palermo. Roma Nuoto kienu jinsabu fis-seba’ post bi 23 punt filwaqt li Telimar Palermo kienu jinsabu fit-13-il post b’ħames punti. Iż-żewġ plejers Maltin kien qed ikollhom staġun pożittiv. Camilleri kien jinsab fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers b’total ta’ 47 gowl filwaqt li Zammit sab ix-xibka 22 darba.

Bi qbil mal-klabb tiegħu, Zammit ittermina l-kuntratt iżda għandu l-għażla f’idejh għall-istaġun li ġej. Fuq in-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ Camilleri jintemm f’dan l-istaġun u l-captain tat-tim nazzjonali Malti mistenni jkollu diskussjonijiet mal-klabb tiegħu fil-jiem li ġejjin.

Il-President tal-Federazione Italiana Nuoto Paolo Barelli qal li fil-kundizzjonijiet preżenti ma kienx possibbli li jkollhom ċertezza ta’ żmien biex jużaw l-impjanti tal-għawm. Hu tenna d-dispjaċir tiegħu li l-kampjonat ma setax jitkompla u awgura li l-istaġun li ġej ikun jista’ jirrappreżenta r-ritorn għan-normalità wara d-diffikultajiet tal-Italja waqt il-pandemija.