Coronavirus Formula 1 Sport

Il-prijorità għall-Williams hija s-saħħa minkejja r-riskju ta’ problemi finanzjariji

(Ritratt: EPA)

Id-Deputy Team Principal tal-Williams, Claire Williams qalet li l-prijorità għat-tim tagħha tibqa’ s-saħħa minkejja li saħqet li biex isalvaw finanzjarjament hemm bżonn li jsiru t-tlielaq. Waqt intervent fuq stazzjon Ingliż, Williams qalet li l-pandemija tal-coronavirus esponiet problema li kienet qed tiġi moħbija. Hi qalet li bħal Williams hemm numru ta’ timijiet oħra tal-Formula 1 li qegħdin jirriskjaw li jkollhom problemi finanzjarji serji.

Dan minħabba li d-dħul finanzjarju tat-timijiet tal-Formula 1 jiddependi mir-riżultati li jinkisbu fil-Grand Prix. Claire Williams qalet li minkejja kollox s-saħħa tal-impjegati tagħha xorta se tibqa’ prijorità. Aktar kmieni din il-ġimgħa, id-Direttur Maniġerjali tal-Formula 1, Ross Brawn ħabbar pjan biex jibda l-istaġun tal-Formula 1. F’dan il-pjan hemm bosta miżuri fosthom li kull min se jkun involut se jiġi ttestjat b’mod regolari.