It-Televiżjoni tal-Veneżwela xandret filmat ta’ ċittadin Amerikan li’jammetti’ li kien involut f’kumplott biex il-President Veneżolan, Nicolas Maduro, jitwarrab mill-poter u jittieħed lejn l-Istati Uniti.
L-Amerikan, Luke Denman, hu fost 13-il persuna — imfissra bħala merċenarji u li jinkludu raġel Amerikan ieħor bl-isem Airan Berry — li spiċċaw arrestati fil-Veneżwela fil-bidu tal-ġimgħa. Dan b’konnessjoni ma’ invażjoni tal-pajjiż minn grupp armat u meta l-awtoritajiet f’Caracas ma tilfux iż-żmien biex jirristawraw il-kontroll ‘wara l-inkursjoni’.
Il-President Maduro kemm-il darba akkuża lill-President Amerikan Donald Trump rigward ‘attentati għall-invażjoni tal-Veneżwela, bil-ħsieb li hu (Maduro) jitneħħa mill-poter. ‘
Intant, Donald Trump qed jiċħad kategorikament li pajjiżu kellu xi sehem fl-inkursjoni falluta ta’ jiem ilu. Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li l-Gvern tiegħu għandu jagħmel ‘minn kollox’ biex jiffaċilita r-ritorn tal-Amerikani miżmuma lejn pajjiżhom.
Fil-filmat, Luke Denman jipprova jispjega li kien imqabbad biex iħarreġ grupp ta’ persuni mill-Veneżwela fl-artijiet tal-Kolombja. L-allegata missjoni kienet biex il-grupp jirritorna f’Caracas u jaħtaf ajruport, bil-għan li l-President Maduro ‘jinħareġ mill-pajjiż’.
Denman, eks membru tal-qawwiet Amerikani għall-missjonijiet speċjali, jikkummenta wkoll ‘li kien qed jgħin lill-poplu tal-Veneżwela biex jieħu lura l-kontroll ta’ pajjiżu’ li ilu żmien għaddej minn kriżi u tensjoni.
//= $special ?>