Għawdex Knisja Lokali

It-tindif huwa meħtieġ ukoll pastoralment

“F’dawn il-ġimgħat kulħadd jisħaq fuq il-ħtieġa tas-‘sanitization’ biex ma nlaqqtux mard fatali. Dan it-tindif huwa meħtieġ ukoll pastoralment. Ikun aktar nobbli jekk din iż-żabra nagħmluha b’għażla konxja u ħielsa milli, għada pitgħada, forsi meta jkun tard wisq, ikunu ċ-ċirkustanzi li jobbligawna nagħmluha.”

Dan kien l-appell ta’ Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex f’messaġġ lill-Kappillani. Huwa qal li l-knejjes vojta jagħmlulek għafsa ta’ qalb! Staqsa, “imma x’inhu tassew vojt: il-knejjes jew aħna?”

“Smajt diversi presbiteri jilmentaw li jħossuhom diżorjentati għaliex iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ġew sospiżi. Bħal donnu minħabba l-fatt li ma nistgħux inqaddsu għan-nies u lanqas namministraw is-sagramenti, is-saċerdozju ministerjali tagħna sar bla tifsira u inutli.

“Ħabta u sabta l-pastorali tagħna spiċċat. Huwa fatt li anki xi lajċi ħassewhom mitlufin għax ma setgħux jieħdu sehem fil-quddiesa – il-fatt li sabu ruħhom impediti milli jiġu l-knisja għall-quddiesa kkundizzjona r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Konsegwenza ta’ dan għamlu pressjoni fuqna biex inħaffu nerġgħu għar-ritwali tas-soltu.

“Mingħajr ma ninstema’ li rrid nirrelattivizza l-Ewkaristija u s-sagramenti l-oħra, huwa fatt li attitudni ta’ din ix-xorta fina s-saċerdoti u fil-lajċi tikxef li aħna għadna Knisja “klerikalizzata” fejn l-azzjoni pastorali essenzjalment għadha f’idejn il-presbiteru,” qal l-Isqof Grech.

Qal ukoll li kollox huwa ċċentrat fuq il-kult. Biżżejjed ngħidu li f’dan iż-żmien tal-pandemija fqajna l-midja soċjali bil-quddies. Il-kreattività pastorali tal-kotra rrisolviet ruħha fil-quddies.

Aħna aktar attenti li jkollna l-libertà tal-kult milli l-libertà fil-kult. Sewwa niftakru li lis-Samaritana Kristu jispjegalha li “jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm… imma tiġi s-siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lil-Missier fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4:22-24).

Għadna ma ntbaħniex li l-fidi tagħna ma tidentifikax ruħha mal-kult; hemm waqtiet fejn in-Nisrani jista’ jgħaddi mingħajr il-kult mingħajr ma jkun ixellef il-fedeltà tiegħu bħala dixxiplu ta’ Ġesù.

“Inħoss li għandi nagħmel din l-osservazzjoni għaliex il-pastorali tagħna hija pastorali madwar il-kult, speċifikament mal-kult tal-Ewkaristija. Fil-fatt, tneħħitilna l-quddiesa man-nies u dħalna fi kriżi.

“Agħar u agħar, meta l-istess liturġiji li għadna “ntellgħu” assolutament ma jiftehmux mill-Insara komuni. Biex tkompli tgħaxxaq, aktar ma tkun okkażjoni solenni, aktar nedhew f’kult taħt forom arkajċi li għalkemm jappella għall-ftit, forsi jpaxxi l-għajnejn u l-widnejn, imma mhux lir-ruħ.

“Kif jirrimarka xi ħadd, “għandna liturġija perfetta, imma liturġija Kostantinjana. Il-bniedem għandu bżonn il-komunità u aħna noffrulu l-ispettaklu”, sostna l-Isqof Grech.

Tenna wkoll li wieħed għalhekk jistaqsi jekk il-knejjes vojta humiex sinjal u sfida ġejjin minn Alla! Jekk dak li qed ngħixu f’dawn l-aħħar ġimgħat huwiex messaġġ ġej minn fuq li bħal xafra ta’ qasba jrid jiftħilna għajnejna biex nintebħu bil-proċess li għaddejjin minnu meta l-knejjes qegħdin jitbattlu quddiem għajnejna imma aħna ma rridux ninqalgħu mir-raddi ibsin li trabbew mas-snin!

Qal li għandna napplikaw ħafna mill-enerġija tagħna biex “nikkonvertu” lis-soċjetà sekularizzata ta’ żmienna; imma huwa urġenti li nużaw l-enerġija tagħna biex “nikkonvertu” aħna – biex isseħħ il-“konverżjoni pastorali” li jitkellem dwarha l-Papa Franġisku.

“Inkunu nagħmlu suwiċidju jekk, meta tgħaddi l-pandemija, pastoralment nerġgħu nirritornaw għal dak li dejjem għamilna sal-lum. Hemm ekkleżjoloġija ġdida, biex ma ngħidx teoloġija ġdida, u pastorali ġdida, u issa huwa l-waqt li jsiru dawk l-għażliet biex nagħtu qafas ġdid.

“Din il-kriżi tal-Covid-19, li l-effetti tagħha ser jibqgħu magħna, taf tkun appuntament storiku għalina bħala Knisja biex il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jerġa’ jieħu ċ-ċentru. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin ħadna diversi inizjattivi biex il-Kelma tkun f’ħoġor ħafna, irridu nirrikonoxxu li l-analfabetiżmu Kristjan ma naqasx – ħafna għadhom sajmin mill-Vanġelu u min ma jafx il-Vanġelu ma jafx lil Ġesù” qal l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex .

Sostna li mingħajr sagramenti nistgħu ngħaddu, imma mingħajr Vanġelu mmutu. Mhux biżżejjed li l-ġemgħa tiltaqa’ biex taqsam il-ħobż fuq il-mejda tal-knisja; kull familja trid tirċievi l-għajnuna biex bħala “knisja tad-dar” tkun tista’ taqsam il-ħobż fuq il-mejda tal-kċina.

M’hemmx qsim tal-ħobż Ewkaristiku u tal-Kelma jekk wieħed ma jasalx biex jaqsam il-ħobż ma’ min ma għandux (djakonija) – “il-foqra huma teoloġikament il-wiċċ ta’ Kristu”.

Kompla jisħaq li llum id-djakonija hija t-triq ipprivileġġjata biex wieħed iduq l-imħabba Kristjana. Il-Vanġelu jiġi kkomunikat mhux tant bil-predikazzjoni daqskemm bil-qadi.

Ħafna jersqu lejn il-Knisja mhux għax ikunu attendew għall-katekiżmu, imma jekk ikunu għamlu esperjenza djakonali sinifikattiva. Kif jgħid il-Papa Franġisku, jekk ninżlu fost il-foqra, niskopru lil Alla.

Għalhekk, daqskemm huwa meħtieġ “iċ-ċentru tad-duttrina” fil-komunità parrokkjali, huwa importanti wkoll li jkun hemm il-mensa dei poveri fis-sens wiesa’ tal-kelma. Min jgħid li m’hawnx foqra jfisser li mhux f’kuntatt mar-realtà ta’ madwaru. Din il-pandemija kixfet li ma aħniex organizzati bis-serjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-karità, qal l-Isqof Grech.