Lokali

“It-triq hija waħda twila u iebsa” – MIA

“Biex naslu kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed” – CEO, Alan Borg

It-triq li ser twassalna għan-normalità mdorrijin għaliha qabel il-pandemija ser tkun waħda “twila u iebsa, iżda ninsab ottimist”. Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg wara li kif mistenni, l-impatt ta’ Covid-19 fuq l-ajruport tul ix-xahar ta’ April kien wieħed devastanti.

Dan wara li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rrapporta tnaqqis ta’ kważi 100% fl-ammont ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport tul ix-xahar ta’ April meta mqabbel mas-sena preċedenti, ammont inevittabli meta wieħed jikkunsidra li l-ajruport ilu magħluq sa mill-21 ta’ Marzu bħala miżuri preventiva kontra l-imxija tal-virus.

Stqarrija mill-MIA spjegat li n-numru ta’ passiġġieri kienu diġà bdew jonqsu f’Marzu, madanakollu naturalment iċ-ċifri kkollassaw ix-xahar ta’ wara. – bit-traffiku tal-ajru wieqaf tista’ tgħid kompletament madwar id-dinja kollha.

Il-Kap Eżekuttiv spjega li tul ix-xahar ta’ April ġew ripatrijati 2,370 passiġġier lura lejn pajjiżna, ammont medju li l-ajruport Malti jipproċessa siegħa kuljum f’jum tipiku sajfi.

Alan Borg sostna li l-unika mezz għan-normalità huwa li “niġbdu ħabel wieħed” u l-Awtoritajiet ikunu lesti li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji.

Immarkata żieda fil-vjaġġi tal-merkanzija

Ġie spjegat ukoll li wara li twaqqfu t-titjiriet kummerċjali kollha lejn Malta għall-aħħar ta’ Marzu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqa’ jopera sabiex jiffaċilita titjiriet essenzjali.

F’April ġew operati 73 titjira ta’ ripatrijazzjoni minn u lejn tmien pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, u n-Netherlands. Barra minn hekk, ix-xahar li għadda, kien hemm żieda ta’ 39.8% fit-titjiriet ta’ ġarr tal-merkanzija fuq l-istess xahar fl-2019, sabiex dawn laħħqu l-186 moviment tal-ajruplani.