Żewġ nisa żagħżagħ ta’ 17 u 24 sena sofrew ġrieħi f’inċident mhux tas-soltu f’Ħaż-Żabbar.
Stqarrija tal-Pulizija tgħid li għall-ħabta tat-3.15p.m. iż-żewġ tfajliet – it-tnejn residenti Ħaż-Żabbar – kienu mexjin fi Triq Wied il-Għajn meta intlaqtu minn rota li nqalgħet minn trakk tat-tip DAF-45 li kien qed jinstaq fl-istess triq.
Il-vittmi ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, il-mara ta’ 24 sena kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li t-tfajla ta’ 17-il sena kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-inċident.
//= $special ?>