Coronavirus Lokali

“Kapaċi nbiddlu d-dinja ta’ għada mil-lum stess”

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull wieħed u waħda minna kapaċi nbiddlu d-dinja ta’ għada mil-lum stess, minkejja l-isfidi li qed niffaċċjaw flimkien kawża tal-Coronavirus. Is-soluzzjoni mhix biss kwistjoni ta’ flus, iżda ta’ viżjoni għax il-Maltin u l-Għawdin huma kapċi jadattaw biex idawwru kull sfida f’opportunità.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jiġi intervistat matul il-programm Xtra, fuq ix-Xandir tal-Istat, mid-Direttur Maniġerjali ta’ Media Today Saviour Balzan. Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun is-soluzzjoni għal dawn l-isfidi.

Adrian Delia kompla li l-Partit Nazzjonalista kien propożittiv anke meta kkummenta dwar is-suppost pakketti finanzjarji ta’ għajnuna għall-ħaddiema u min iħaddem. Fl-istess waqt appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jkomplix ikun reattiv u ma jdumx ma jgħin lil dawk fil-bżonn għax ikun qed tirriskja li s-sitwazzjoni tkompli tiggrava.

Dwar l-aspett mediku, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta kien il-każ, ma ddejjaqx jirringrazzja pubblikament lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għax jemmen li dan mhux żmien ta’ kritika partiġġjana, iżda li nħarsu lejn il-bżonnijiet tal-pajjiż kollu.

U f’din is-sitwazzjoni sensittiva, staqsa għaliex il-Gvern għadu ma jridx iraħħas il-kontijiet tal-enerġija, minkejja l-appelli li sarulu minn kull parti tas-soċjetà.

Mistoqsi dwar il-Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni kontra l-mod kif il-Gvern ta tliet Sptarijiet Pubbliċi lill-Privat, Adrian Delia staqsa għaliex Robert Abela qed ikompli jiddefendi l-kuntratt u għaliex mhux fuq in-naħa tal-poplu.

Mistoqsi dwar jekk jaqbilx li l-Gvern għandu jagħmel ftehim mal-privat f’setturi importanti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-ftehim jaħdmu jekk ikollok sieħeb Privat effiċjenti f’xogħolu. Bħala eżempju għal dan, semma’ l-ftehim li Gvern Nazzjonalista kien għamel mal-Prviat biex jitmexxa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta … ftehim suċċess li għadna nieħdu l-frott minnu sal-lum.

Kompla li hu konxju mir-responsabbiltà politika li jġorr bħala Kap tal-Oppożizzjoni, partikolarment li jara li jkun imħares l-interess nazzjonali. Min-naħa l-oħra, bis-sitt miljun ewro li ngħata l-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals Global Healthcare Ram Tumuluri, pajjiżna kien jixtri 500 ventilatur, li huma importanti ferm f’dawn iż-żminijiet.

U mistoqsi dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax jgħid li l-ħajja għandha dejjem tiġi l-ewwel … u hekk se jibqa’ jagħmel. Tant hu hekk, li fil-ġimgħat li għaddew ra li l-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna jkunu diskussi fost il-Mexxejja Ewropej membri fil-Partit Popolari Ewropew.

Min-naħa l-oħra, anke dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qed jagħżel li jkun populist meta jipprova joħloq diviżjoni avolja jaf li dan hu suġġett sensittiv.

Bħala eżempju tal-populiżmu ta’ Robert Abela, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif il-Prim Ministru pprova jżeffen lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għax, minflok ma wieġeb lil min kien qed jakkużah, Abela għażel li jattakka lill-Avukat ta’ min kien qed jakkużah.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, Adrian Delia tenna l-istedina lil Robert Abela biex jiddiskuti miegħu fuq it-televiżjoni … stedina li Abela s’issa għadu ma jridx jilqa’.