Il-Kardinal Awstraljan George Pell, eks Teżorier tal-Vatikan, instab li kien ‘konxju’ mill-abbuż sesswali tat-tfal taħt idejn żewġ qassisin u li naqas milli jieħu l-passi biex il-qassisin inkwistjoni jitneħħew mis-saċerdozju.
Il-każi tal-abbuż imorru lura għas-snin sebgħin u t-tmeninijiet u ‘in-nuqqasijiet ta’ Pell’ kienu żvelati waqt inkjesta maħtura mill-Gvern tal-Awstralja fir-rigward tal-abbuż tat-tfal fi ħdan il-Knisja Kattolika u istituzzjonijiet oħrajn.
Intant, fl-aħħar sigħat, kienu żvelati partijiet tar-rapport mir-Royal Commission into Institutional Responses to Child Sexual Abuse li kienu ċensurati meta r-rapport ħareġ għall-ewwel darba lejn l-aħħar tal-2017.
Dan wara li l-Kardinal Pell, ix-xahar li għadda, inħafrulu ħames għaddi ta’ akkuża dwar l-abbuż sesswali ta’ żewġ subien adolexxenti, it-tnejn membri ta’ kor, li kien seħħ fis-snin disgħin meta Pell kien Arċisqof ta’ Melbourne.
Ir-rapport tar-Royal Commission — l-aktar forum influwenti għall-inkjesti pubbliċi — qed jgħid li l-Kardinal Pell ‘sa mis-snin sebgħin kien jaf dwar l-abbuż tat-tfal minn xi membri tal-Knisja’.
Il-Kummissjoni ‘tinsab konvinta li l-Kardinal Pell, sal-1973, mhux talli kien konxju mill-abbuż ta’ minorenni taħt idejn membri tal-kleru iżda li hu anki kunsidra miżuri li kellhom iħarsu kontra sitwazzjonijiet li jqanqlu diskors dwar l-abbuż’.
Filwaqt li l-Kummissjoni ma investigatx allegazzjonijiet speċifiċi ta’ abbuż relatati għal George Pell innifsu, l-inkjesta evalwat il-possibbiltà li l-Kardinal u mexxejja oħra tal-Knisja fl-Awstralja kienu jafu dwar eluf ta’ inċidenti ta’ abbuż li jmorru lura għas-sebgħinijiet. Il-Kummissjoni anki investigat ‘x’setgħu għamlu Pell u l-uffiċjali l-oħra tal-knisja biex jindirizzaw dawn l-issues fit-30 sena ta’ wara’.
F’dan il-perjodu, George Pell tela sew fil-ġerarkija tal-knisja – fejn minn qassis laħaq Arċisqof ta’ Melbourne, imbagħad Arċisqof ta’ Sydney. L-eks Teżorier tal-Vatikan jibqa’ l-aktar uffiċjal għoli tal-knisja li qatt skonta l-ħabs għall-abbuż tat-tfal u fejn qatta’ sena priġunerija qabel ġie liberat, ix-xahar li għadda.
//= $special ?>