Lokali

Ministri jinqabdu jabbużaw mill-fondi pubbliċi

Abbuż mir-riżorsi pubbliċi għal gwadann personali

“Diversi Ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi sabiex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq il-midja soċjali”.

Hekk sostna l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler fejn saħaq li dan huwa abbuż, għaliex qed jintużaw t-taxxi taċ-ċittadin Malti għal għanijiet ta’ propoganda “biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom”.

Ilment imwettaq mill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Lovin Malta Chris Peregin wassal sabiex George Hyzler wettaq investigazzjoni li xeħtet aktar dawl fuq kif qed jintużaw it-taxxi tal-poplu.

George Hyzler saħaq li permezz tal-midja soċjali, il-politiċi għandhom l-inċentiv personali sabiex jinfluwenzaw lill-ettorat għall-voti madanakollu dan qatt ma jistgħu jagħmluh billi jabbużaw minn dawn il-fondi. Huwa saħaq li meta wieħed jiġi biex jaqta’ linja u jara jekk dawn il-fondi hux qed jintużaw korrettament jew le, bħalissa s-sitwazzjoni f’pajjiżna turina li kollox jibda jkanġi fil-griż u xejn ma jibqa’ ċar.

Dan għaliex mill-14-il Ministeru li għandna f’pajjiżna, 4 biss għandhom paġna attiva fuq Facebook, dan ifisser li l-bqija naturalment jippublikaw paġni oħra, ħafna drabi tal-istess Ministru – aġir li mhux permessibbli.

Ian Borg, Aaron Farrugia, Silvio Schembri u Edward Scicluna taħt il-lenti b’akkużi serji

Minn investigazzjoni li wettaq il-Kummissarju ħa kampjun ta’ ħames Ministri Laburisti fuq Facebook – 4 minnhom instabu li kienu qed jagħmlu użu ħażin ta’ riżorsi pubbliċi.

Fl-ewwel każ, il-Ministru Ian Borg ippublika fuq il-paġna personali tiegħu fuq Facebook filmat komplut bil-logo uffiċjali tal-Gran Harbour Regeneration Corporation u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Proprju l-użu ta’ dawn il-logos governattivi skont il-Kummissarju għall-Istandards, jgħati x’jifhem li dan il-filmat huwa maħdum proprju minn riżorsi uffiċjali u fir-rapport tiegħu George Hyzler saħaq li kollox jindika li dan il-filmat kien prodott speċifikament għall-paġna ta’ Ian Borg.

Meta kien mistoqsi dwar dan l-aġir, Ian Borg injora u falla għal kollox milli jkellem lill-Kummissarju għall-Istandards

Fit-tieni każ nsibu lill-Ministru Aaron Farrugia, Ministru ġdid taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, fejn Farrugia ppublika grafika fuq il-paġna personali ta’ Facebook, ritratt li jikludi l-logo tal-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ppjanar.

George Hyzler spjega li dan kollu jagħti x’jifhem li dan ġie prodott bl-użu ta’ fondi pubbliċi u għal darb’oħra ġie ppublikat direttament fuq il-paġna tal-Ministru.

Fit-tielet każ insibu lill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri. Filmat ippublikat fuq il-paġna personali tiegħu, komplut bil-logo tal-Ministeru u għaldaqstant għal darb’oħra dan iwassal sabiex wieħed jitħasseb u jasal għal konklużjoni li l-filmat ġie prodott u xogħolu mħallas għalieh minn fondi pubbliċi.

George Hyzler saħaq li “ġaladarba l-filmati ma jidhrux fuq channel jew paġna uffiċjali nista’ nasal għal konklużjoni li dan il-filmat ġie magħmul speċifikament għal paġna personali tal-Ministru Schembri – dan huwa abbuż mir-riżorsi pubbliċi”.

Il-filmat saħansitra jagħlaq bil-logo komplut b’isem Silvio Schembri deskritt mill-Kummissarju bħala aġir li ma jifridx il-Ministru mill-politikant. Ta’ min wieħed jinnota li Schembri, bħal Ian Borg, injora għal kollox lil George Hyzler meta kien mistoqsi biex jispjega ruħu.

Fil-ħames każ, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna ukoll spiċċa taħt il-lenti. George Hyzler iddeskriva dan il-każ bħala wieħed li l-pożizzjoni uffiċjali u dik personali tal-Ministru spiċċat konfuża għal kollox.

Dan wara li l-Ministru Scicluna ppublika fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu filmat fejn qiegħed jitkellem bħala l-Ministru għall-Finanzi . Dan il-filmat, miġbud b’mod professjonali ġie indikat fuq Facebook li kien qiegħed jixxandar b’mod dirett, madanakollu jumejn qabel ġie ppublikat saħansitra fuq iċ-channel personali ta’ Scicluna fuq Youtube.

Meta mistoqsi, Scicluna saħaq li din hija prassi, skontu sewwa, li ilu jagħmel mill-2013 – iżda George Hyzler saħaq li l-Ministru m’għandux raġun meta jgħid li qiegħed jimxi skont kif titlob l-etika, anzi dan l-aġir “ma joħloq ebda distinzjoni bejn il-pożizzjoni pubblika u personali” tal-Ministru.

Huwa saħaq li dan l-aġir kien diġà ġie nnotat u rrapportat mill-issa eks-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi – fejn Mizzi kien ixandar direttament fuq il-paġna personali tiegħu produzzjonijiet relatati mal-Ministeru. L-atteġġjament ta’ uħud, ankè taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, jidher li ma nbidilx wisq. Dan l-aġir fuq Facebook minn nies li jmexxu l-pajjiż ġie deskritt minn George Hyzler bħala, “inkwiet serju għal ksur tal-etika”.

Fir-rapport, il-Kummissarju għall-Istandards kwota il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri, fejn jingħad iswed fuq l-abjad li huma għandhom iżommu l-irwoli tagħhom ta’ membru parlamentari u membru ta’ partit politiku totalment separati.

Il-kodiċi jitlob bl-aktar mod ċar li l-Ministri għandhom jirrispettaw l-imparżjalità politika tagħhom, u jagħmlu użu mill-fondi pubbliċi b’diliġenza u sintendi ma jabbużawx minn dawn il-fondi li ġejjin mit-taxxi tal-poplu Għawdxi u Malti – xi ħaġa li din l-investigazzjoni waslet lil Kummissarju tal-Istandards għal konklużjoni li Ministri ta’ Gvern Laburista dan m’għamluhx.

Il-Kummissarju kkonkluda li ministru m’għandux juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi kontenut għalieh, anki jekk dak il-kontenut ikun marbut mad-dmirijiet uffiċjali tal-ministru.