Edukazzjoni Kummerċ Lokali

Rebbieħa ta’ JAYE Malta lesti għall-Finali Ewropej

Imprendituri promettenti Maltin dalwaqt se jikkompetu virtwalment fil-kompetizzjonijiet rinomati Ewropej wara r-rebħiet tagħhom fil-Finali ta’ JAYE Malta li ttellgħu online

Din is-sena l-Finali Nazzjonali ta’ JAYE Malta ttellgħu online bi tweġiba għall-pandemija COVID-19 li għaddejjin minnha bħalissa – u r-rebbieħa ta’ wħud mill-programmi tal-intraprenditorija issa qed iħejju biex jidħlu għal kompetizzjoni virtwali oħra, din id-darba fuq livell Ewropew.

Waqt il-Finali Nazzjonali ta’ JAYE Malta li jsiru kull sena f’Mejju, timijiet ta’ studenti mill-programmi StartUp u Company jippreżentaw xogħolhom quddiem bordijiet indipendenti ta’ aġġudikanti esperti sabiex jikkompetu għal postijiet f’kompetizzjonijiet fuq skala akbar fuq livell Ewropew.

Iżda din is-sena, ir-restrizzjonijiet ta’ tbegħid soċjali kkawżati mill-imxija globali tal-COVID-19 wasslu sabiex JAYE Malta tissokta l-programmi tagħha, u mbagħad ittella’ l-Finali, online.

“Wara li faqqgħet il-COVID-19, JAYE Malta għamlet mezz li l-programmi ta’ din is-sena jibqgħu għaddejjin, billi wasslet il-kontenut kollu online u b’hekk ġew imħarsa l-benesseri u s-saħħa tal-istudenti tagħna, bl-appoġġ sħiħ tal-isponsors tagħna,” spjegat Fiona Captur, CEO ta’ JAYE Malta.

“Il-Finali saru online wkoll, nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju. L-istudenti adattaw irwieħhom b’mod eċċellenti għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, u fil-preżentazzjonijiet tagħhom iffokaw l-aktar fuq il-ħarsien tal-kultura u l-ambjent Malti.

Fil-fatt, l-aġġudikanti rrimarkaw li bla dubju s-sitwazzjoni ispirat dinamika aħjar fit-timijiet, kif ukoll aktar adattabilità u reżiljenza – l-alumni ta’ JAYE Malta issa jinsabu preparati ferm aħjar biex jadattaw għad-dinja tan-negozju li kulma jmur dejjem tinbidel.”

Il-Finali rriżultaw f’diversi rebbieħa fuq numru ta’ kategoriji. L-istudenti kollha, il-mentors, il-voluntiera, il-link teachers u l-membri tal-istaff għall-2019-2020 fi ħdan il-programm Company u l-programm StartUp irċevew il-Premju John Harper, filwaqt li l-Premju Phillip Bonnet għall-Perseveranza ngħata lil Enable tal-Kulleġġ San Alwiġi taħt il-programm Company.

Fil-programm StartUp, il-Premju għan-Negozju l-Ġdid tas-Sena ngħata lil Stiles tal-Università ta’ Malta, b’Convex fit-tieni post, u MPAL fit-tielet post, dawn it-tnejn tal-aħħar ukoll mill-Università ta’ Malta.

Il-Premju ‘Taking Your Brand to Market’, sponsorjat minn Switch u Traction Academy, ukoll ġie ppreżentat lil Convex tal-Università ta’ Malta, filwaqt li l-Premju PwC ‘Concept Validation’ sponsorjat minn PwC mar għand Tutors+ mill-Università ta’ Malta.

Ingħataw premjijiet ukoll lil dawk li ħadu sehem fil-programm Company. Il-Premju għall-Kumpanija tas-Sena ntrebaħ minn UniStory tal-Iskola Internazzjonali tal-Verdala, waqt li fit-tieni post ġew ForWorld tal-Kulleġġ ta’ St Edwards, u fit-tielet post ġew klassifikati Enable tal-Kulleġġ San Alwiġi.

Il-Premju Farsons ‘Readiness for Work’ ingħata lil Type Walrus tal-Junior College, u l-Premju Deloitte għall-aħjar Pjan tan-Negozju ġie ppreżentat lil B-Eco mill-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi.

Il-Premju EFQ għall-Eċċellenza fil-Kwalità mogħti minn EFQ Management Consultants mar għand UniStory tal-Iskola Internazzjonali tal-Verdala, u l-Premju Atlas għall-Marketing Diġitali mingħand Atlas Insurance ġie ppreżentat lil Bloom tal-Kulleġġ De La Salle.

L-HSBC qed jipprovdi l-opportunità biex dawk li għamlu suċċess f’JAYE jiksbu esperjenza siewja ta’ xogħol mal-bank. Din is-sena, l-HSBC offra 11-il internship u għall-ewwel darba fetaħ din l-opportunità anke għall-istudenti ta’ StartUp flimkien ma’ dawk tal-programm Company.

Wara s-suċċess tagħhom fil-Finali Nazzjonali ta’ JAYE, żewġ timijiet rebbieħa issa se jibqgħu sejrin biex jikkompetu virtwalment f’żewġ kompetizzjonijiet prestiġjużi Ewropej. UniStory mill-Iskola Internazzjonali tal-Verdala se jipparteċipaw fil-Kompetizzjoni Virtwali għall-Kumpanija Ewropea tas-Sena li se tittella’ online minn JA Portugal bejn it-22 u l-24 ta’ Lulju 2020.

Ir-rebbieħa tal-Premju għan-Negozju l-Ġdid tas-Sena, Stiles mill-Università ta’ Malta, ukoll se jikkompetu fil-JA Europe Enterprise Challenge li se tkun imtellgħa virtwalment minn JA Greece bejn l-24 u s-26 ta’ Ġunju 2020.

“Permezz tad-diffikultajiet li l-kumpaniji kollha qed iħabbtu wiċċhom magħhom f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, tgħallimna kemm hu importanti li kumpanija tkun flessibbli biex tkun tista’ tegħleb il-problemi,” spjega wieħed mill-membri tat-tim UniStory.

“Fid-dinja tan-negozju, l-imprendituri kuljum jiffaċċjaw diffikultajiet mingħajr ma jkollhom protezzjoni minn xi sors estern bħal JAYE. Kien jiddependi minna biex nagħmlu t-tibdiliet li kien hemm bżonn, li kienet lezzjoni importanti li ġiet mgħallma. Issa wasalna biex insalpaw fuq il-vjaġġ il-ġdid li qed jistenniena fil-kompetizzjoni internazzjonali ta’ JAYE.”

Il-membri tat-tim Stiles jaqblu li l-esperjenza tagħhom f’JAYE Malta firxitilhom it-tapit għas-suċċess internazzjonali. “Il-programm StartUp ta’ JAYE għallimna li l-aqwa karatteristika ta’ imprenditur hi li tkun assertiv – jekk trid tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha!”