Lokali

“Roddu lura l-flus li sraqtu” – Partit Nazzjonalista

“Id-deċiżjoni li ta l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ilment imressaq minn Lovin Malta huwa prova oħra ta’ kemm ma fadal l-ebda distinzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Gvern Laburista tant li fondi pubbliċi qegħdin jintużaw f’reklamar għall-politiċi Laburisti fuq il-media soċjali”.

Hekk sostnew id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Karol Aquilna u Carm Mifsud Bonnici fejn saħqu li l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-ammissjoni mill-Gvern dwar dak li sab il-Kummissarju, il-Ministri Laburisti għandhom minnufih jħallsu lura l-flus li nefqu f’reklamar għas-social media personali tagħhom minn fondi pubbliċi.

Huma sostnew li jekk dan ma jseħħx il-Ministri Laburisti jkunu mhux biss qed iwebbsu rashom fl-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, ħaġa li issa ġiet ikkundannata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika; imma jkunu wkoll qegħdin jesponu ruħhom għal proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Pulizija tinvestiga dan l-abbuż ta’ fondi pubbliċi mingħajr dewmien.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda wkoll mhix qed issir distinzjoni bejn ir-rwoli tal-Ministri bħala membri tal-Gvern u dak tagħhom bħala politiċi.

Għalkemm minn Novembru 2019 sallum inbidlu l-Prim Ministru u l-Ministri tal-Gvern, l-abbużi u l-ksur tal-liġi baqgħu l-marka li tiddisingwi b’mod ħażin il-Gvern Laburista.