Lokali

AĠĠORNATA: Tfajla ta’ 19-il sena titlef ħajjitha wara li waqgħet mill-vettura li kienet qed issuq

Tfajla ta’ 19-il sena residenti l-Qrendi tilfet ħajjitha traġikament dalgħodu wara li kienet involuta f’inċident waqt li kienet fuq xogħolha.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8am fi Triq Qormi, Ħal Qormi stess meta ż-żagħżugħa, pustiera, tilfet il-kontroll tal-vettura, inqalbet u ġiet taħtha.

Immedjatament, fil-post, issejħu l-Pulizija tad-Distrett li qed imexxu l-investigazzjonijiet dwar l-inċident u anke għalqu t-triq għat-traffiku.

Ambulanza ħadet lit-tfajla l-isptar Mater Dei fejn ftit tal-ħin ilu ġie ikkonfermat li tilfet ħajjitha.

Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo fetħet inkjesta dwar dan il-każ, u qed tkun assistitha minn diversi esperti.