“Naf li ser tkun l-anġlu tiegħi, tħarisni minn hemm fuq”
“Illum mhux biss tlifna kollega, iżda ħabiba li konna nqisu waħda minn ħutna”. Hekk sostnew ħaddiema, u wisq aktar ħbieb, mal-aħbar tat-telfa traġika ħabta u sabta ta’ Elenia Briffa.
It-tfajla ta’ 19-il sena mill-Qrendi, li proprju kienet taħdem bħala pustiera, tilfet ħajjitha ftit passi ‘il bogħod mill-uffiċċju tagħha fil-Marsa wara li għal xi raġuni wagħet mill-vettura tax-xogħol, b’konsegwenzi traġiċi.

Qraba u ħbieb iddeskrivew lil Elenia bħala persuna dejjem bi tbissima fuq fommha li lesta tgħin lil kulħadd b’qalb tassew tad-deheb. Il-partner tagħha, Maria, saħqet li postha f’qalbha żgur li m’huwa ser jeħodulha ħadd u taf li issa hija l-anġlu tagħha, “tieħu ħsiebu minn hemm fuq”.
It-tislima b’għafsa ta’ qalb kbira waslet ukoll mingħand is-Soċjetà Filarmonika ta’ Lourdes fejn iddeskrivew lil Elenia bħala persuna li “dejjem kienet tkun minn ta’ quddiem biex toffri l-għajnuna tagħha fl-attivitajiet kollha tas-soċjetà b’mod speċjali dawk organizzati mis-Sezzjoni Żgħażagħ”.

Iżda Elenia ma kellhiex għal qalbha l-festa biss iżda sa minn ċkunita kellha wkoll għal qalbha ż-żwiemel li tant ħabbet tul ħajjitha.
Intant, kelliema għal MaltaPost taw l-kondoljanzi lil Familja Briffa u saħqu li jinsabu mnikkta għall-aħbar li din it-tfajla kellha tmut f’età daqshekk żgħira u proprju fuq il-lant tax-xogħol.