Futbol Sport

15-IL SENA ILU: Jispikka l-argument bejn Mifsud u Arrigo f’jum iċ-ċelebrazzjoni tas-26 kampjonat ta’ Sliema

(Ritratt: In-Nazzjon)

8 TA’ MEJJU 2005

Ħmistax-il sena ilu kienet ġurnata importanti fl-istorja ta’ Sliema Wanderers hekk kif ġew inkurunati għal rekord 26 darba bħala champions ta’ Malta. Fl-aħħar logħba tagħhom huma spiċċaw 1-1 kontra Hibernians, b’tal-aħħar jiksbu post fit-Tazza UEFA b’dan id-draw. Sliema spiċċaw il-kampjonat b’40 punt, tnejn aktar minn Birkirkara. Huma kisbu 18-il rebħa, seba’ draws u tliet telfiet, f’perjodu meta l-Kampjonat Premier kien b’10 timijiet u wara t-tieni rawnd kienu jinqasmu t-timijiet u l-punti.

Din il-logħba kienet ukoll battalja bejn żewġ plejers Maltin li kienu qed jissieltu biex jiksbu l-unur tal-aqwa skorer tal-kampjonat. Kemm Andrew Cohen kif ukoll Ivan Woods ma skorjawx f’din il-logħba u b’hekk kien Cohen li spiċċa l-aqwa skorer b’21 gowl. Kienu Hibernians li fetħu l-iskor wara kwarta logħob permezz tal-attakkant TERENCE SCERRI wara korner mogħti minn Andrew Cohen. Sliema ġabu d-draw fis-57 minuta b’azzjoni ta’ STEFAN GIGLIO li daħal tajjeb fil-kaxxa u wiċċ imb wiċċ ma’ Mario Muscat, tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Għalkemm kienet ġurnata ta’ festa għas-Slimiżi, spikkat xena partikolari ftit qabel il-preżentazzjoni tat-trofew. Il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud deher jirrifjuta li jagħti t-tazza lill-President ta’ Sliema Robert Arrigo, b’Mifsud ried li jagħti t-trofew lill-captain Noel Turner. Meta Joe Mifsud prova jagħti t-tazza lil Turner, daħal Robert Arrigo u ħataf it-tazza hu u għolliha fost il-ferħ tal-partitarji numerużi Slimiżi li mlew in-naħa tagħhom.