Sport

27 SENA ILU: Tinfetaħ uffiċjalment il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq

(Ritratt: In-Nazzjon)

8 TA’ MEJJU 1993

Id-data tat-8 ta’ Mejju ta’ 27 sena ilu tibqa’ data storika u importanti fl-istorja tal-isport akwatiku. Dakinhar infetħet uffiċjalment il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, quddiem pubbliku numeruż li ra proġett ieħor sportiv ta’ dawk iż-żminijiet li seħħ realtà.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami qal li l-Kumpless kellu l-għan li jgħin biex is-soċjetà Maltija tkompli timxi biex tagħmel l-isport parti mill-kultura tal-Maltin. Eddie Fenech Adami saħaq li Malta għandha kollha l-infrastruttura meħtieġa biex il-parteċipazzjoni fl-isport issir ħaġa komuni fost iż-żgħażagħ kollha. Kien għalhekk li l-Gvern iddeċieda dak iż-żmien li l-proġett ikun fil-Kumpless Sportiv tal-Università biex ikun f’post qrib żona frekwentata minn ħafna żgħażagħ.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Il-Ministru responsabbli mill-Isport ta’ dak iż-żmien Michael Frendo kien qal li l-proġett kellu jkabbar il-parteċipazzjoni fl-għawm, il-waterpolo u sport ieħor konness mal-ilma. Frendo kompla li dan il-proġett joffri diversi opportunitajiet interessanti fosthom li jilqa’ fih avvenimenti internazzjonali jew ta’ livell Olimpiku.Wara d-diskors tal-Prim Ministru, kien mistieden mill-Ministru Michael Frendo biex jikxef lapida kommemorattiva li tfakkar l-inawgurazzjoni tal-proġett.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Qabel id-diskorsi, saru attivitajiet simboliċi fosthom tlielaq ta’ 50 metru li ntrebħu minn John Paris u Susan Smith. Saru wkoll qbiż minn tliet membri tat-tim nazzjonali Ġermaniż u wkoll wirja tal-għawm sinkronizzat miċ-champions tal-Italja ta’ Roma 70. L-attivitajiet tkomplew l-għada. L-ewwel impenn internazzjonali tal-Pixxina kien waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru ftit ġimgħat wara.