Kważi 80% tal-ħaddiema ħadmu anqas sigħat kaġun tan-nuqqas tad-domanda li ħolqot l-imxija tal-Coronavirus, filwaqt li terz tal-ħaddiema kienu diġà bdew jaħdmu mid-dar sa minn tmiem Marzu.
Din l-informazzjoni ħarġet minn ċifri tal-NSO fejn fost l-oħrajn intqal li kważi 30% tal-ħaddiema f’Malta lejn tmiem Marzu ma kienux qed jaħdmu, avolja kellhom impjieg.
L-istatistika uriet li lejn tmiem Marzu kienu biss 62% tal-Maltin li kienu għadhom qed jaħdmu sigħat normali filwaqt li l-ħin medju ta’ xogħol fl-aħħar ġimagħtejn tax-xahar imsemmi kienu ta’ 23 siegħa fil-ġimgħa, meta f’Marzu 2019 ir-rata medja kienet ta’ 37 siegħa.
Id-daqqa ta’ ħarta li ħadu ċertu impjiegi minħabba l-Coronavirus ħassewha ħafna bl-ilmenti konsistenti ta’ ħaddiema u negozji li sal-lum, hekk kif ninsabu kważi fl-10 ġimgħa ta’ din l-emerġenza medika, għadhom lanqas biss ħadu ċenteżmu mingħand il-Gvern.
Fit-tbassir tagħha dwar l-andament tal-ekonomiji Ewropej, il-Kummisjoni Ewropea qed tindika li f’Malta d-daqqa ekonomika kaġun tal-pandemija se tkun ta’ kważi 6%.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali diġà rċieva iktar minn 1,350 talba għall-benefiċċju tal-qgħad minħabba l-effetti tal-kriżi medika.
//= $special ?>