Lokali

Agħtu l-fondi li ħadtu mill-poplu lill-aġenziji tal-aħbarjiet – IĠM

Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li għamlu użu mill-fondi pubbliċi biex jippromwovu l-profil personali u l-profil politiku tagħhom fuq il-paġni ta’ Facebook għandhom jirritornaw minnufih dawn il-flus biex jgħinu lill-aġenziji tal-aħbarjiet lokali.

Hekk ġie propost mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) f’kummenti mas-sit Lovin Malta fid-dawl ta’ rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li wera kif erba’ Ministri: Silvio Schembri, Aaron Farrugia, Ian Borg u Edward Scicluna qed jagħmlu użu ħażin mill-fondi pubbliċi.

Huma qalu li dan ikun messaġġ ġdid mill-Gvern li jrid jitlaq mill-passat imċappas tiegħu u li jrid isaħħaħ waħda mill-pillari tad-demokrazija.

L-IĠM wissiet li l-investigazzjoni uriet ukoll kif il-politiċi qed jużaw fondi pubbliċi biex jippubblikaw dikjarazzjonijiet politiċi f’forum fejn ma jistgħux jiġu kkontestati u skrutinizzati mill-midja.

“Ir-rapport tal-kummissarju jenfasizza l-ħtieġa li tibda diskussjoni nazzjonali dwar lir-rwol tal-midja u kif dan is-settur vitali fid-demokrazija tagħna għandu jkun salvagwardjat finanzjarjament, waqt li jżomm l-indipendenza tiegħu.”

Tags