Il-Mexxejja tal-Ewropa fakkru l-75 anniversarju ta’ VE Day meta l-parti kbira tal-kontinent għadha taħt kundizzjonijiet tal-lockdown minħabba l-coronavirus.
Il-Jum ta’ VE Day ifakkar meta r-Renju Unit u l-Alleati, fit-8 ta’ Mejju tal-1945, aċċettaw id-dikjarazzjoni ta’ ċediment formali tal-Ġermanja Nażista wara kważi sitt snin ta’ gwerra. Intant, din id-data ma tissimbolizzax it-tmiem proprju tat-Tieni Gwerra Dinjija, peress li l-Ġappun, eks-alleat tan-Nażisti, kien baqa’ jirreżisti lill-Alleati sa Awwissu tal-1945.
Fir-Renju Unit kien osservat perjodu ta’ silenzju għal żewġ minuti, bir-Reġina Eliżabetta qed tħejji diskors speċjali ta’ tifkira. Intant l-iskwadra tal-ajruplani Red Arrows għaddiet minn fuq iċ-ċentru ta’ Londra u x-Xmara Thames għal din l-okkażjoni.
Saru wkoll ċerimonji bil-magħluq mill-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel u l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron. Iżda filwaqt li kienu organizzati avvenimenti oħra li fakkru ‘it-tmiem tal-Ġermanja Nażista’, baqgħu projbiti l-avvenimenti tal-massa għall-anniversarju.
Fi Franza, il-President Macron poġġa girlanda quddiem il-Qabar tas-Suldat Anonimu f’Pariġi, fil-preżenza ta’ grupp żgħir ħafna ta’ uffiċjali.
Il-Kanċillier Merkel mexxiet ċerimonja fl-inħawi tal-Monument tal-Gwerra ta’ Berlin u li kienet segwita b’diskors tal-President Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier. Dan meta r-residenti f’Berlin kienu l-uniċi ċittadini Ġermaniżi li gawdew vaganza nazzjonali bla preċedent u li ma kenitx osservata fi bnadi oħra tal-pajjiż.
Ir-Russja u eks pajjiżi Sovjetiċi bħall-Ukrajna u l-Belarus ukoll qed ifakkru l-anniversarju tal-avveniment li jafuh bħala ‘Jum ir-Rebħa’.
It-Tieni Gwerra Dinjija rriżultat f’aktar minn 50 miljun mejtin, meta hu kkalkulat li 25 miljun vittma kienu militar u ċivili tal-eks Unjoni Sovjetika.
Sadanittant, il-75 anniversarju ta’ VE Day kellu jasal fi żmien ieħor kruċjali għall-Ewropa u l-kumplament tad-dinja. Dan meta l-coronavirus (Covid-19) s’issa qatel ‘il fuq minn 270,000 u infetta aktar minn 3.8 miljuni madwar id-dinja — minbarra li kkaġuna kaos kbir ekonomiku fuq livell globali.
//= $special ?>