Internazzjonali

Covid-19: L-Italja bl-akbar numru ta’ mejtin fl-Unjoni Ewropea

Iċ-ċifra ta’ mejtin mill-Covid-19 fl-Italja issa qabżet it-30,000 — meta dan hu l-ogħla ammont ta’ vittmi minn fost il-pajjiżi-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-pajjiż, illum, irrapporta 243 mejtin ġodda mill-pandemija, bl-ammont ta’ infezzjonijiet ġodda (f’perjodu ta’ 24 siegħa) jonqos għal 1,327 — u għal total (fl-Italja) ta’ 217,185.

Dan meta l-Italja għandha t-tielet l-akbar ċifra ta’ imwiet (irreġistrati uffiċjalment) mill-coronavirus fid-dinja, wara l-Istati Uniti u r-Renju Unit.

L-Italja, din il-ġimgħa, naqqset mir-restrizzjonijiet għall-moviment soċjali li kienu fost l-aktar riġidi madwar l-Ewropa — b’numru ta’ stabbilimenti jiftħu mill-ġdid u bin-nies jieħdu ftit tan-nifs wara ġimgħat konsekuttivi ta’ lockdown.

Intant, l-awtoritajiet Taljani għadhom jinsistu biex il-miżuri stretti għal social distancing jibqgħu rispettati minn kulħadd.