L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li d-dinja x’aktarx li jkollha tistenna sa sena biex tiddetermina l-oriġini eżatti tal-coronavirus (Covid-19).
Il-WHO irrepetiet li ma ratx provi konkreti li – bħalma qed jalludi l-President Amerikan Donald Trump – dan il-virus seta’ feġġ minn xi laboratorju taċ-Ċina.
Ix-xjenzati mhumiex ċerti meta beda l-coronavirus ġdid. L-indikazzjonijiet, għalissa, huma li l-virus feġġ f’suq tal-annimali fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, iżda jidher li 27 biss fost 41 każ bikri tal-infezzjoni kellhom konnessjoni diretta mas-suq.
Hu probabbli li l-virus infirex mill-friefet il-lejl għal annimal ieħor mhux speċifikat qabel infetta direttament lin-nies.
Sadanittant, il-WHO qed jgħid li l-pandemija għandha ‘oriġini naturali’ wara l-allegazzjonijiet mill-Istati Uniti li ‘il-virus kien prodott minn laboratorju’.
Filwaqt li l-konklużjoni dwar l-oriġini ‘konkreta’ tal-Covid-19 għandha tieħu fit-tul, bl-esperti jfakkru li l-marda tal-Mers (Middle East Respiratory Virus) li ħarġet fl-2012 instabet li oriġinat mill-iġmla wara sena ta’ studju dovut.
//= $special ?>