Coronavirus Lokali

Daqqa kbira anke għall-Periti

Fl-ambitu tal-ippjanar…. irridu nkunu aktar sostenibbli, filwaqt li tiżdied il-kwalità fis-settur tal-professjoni tal-Periti.

Sostniet dan il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker f’laqgħa fuq pjattaforma online li l-Kamra tal-Periti kellha mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Vella Lenicker sostniet li s-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha bħalissa qed tħalli l-effett tagħha wkoll fuq il-professjoni tal-periti. Il-Kamra tal-Periti kienet minn tal-ewwel li wettqet stħarriġ fost il-membri tagħha dwar l-impatt ta’ dan il-virus fuq il-professjoni tagħhom.

Ħafna uffiċċji tal-periti qed isibu diffikultà kbira biex iħallsu lill-istaff tagħhom. Dan minħabba l-fatt li qed ikun hemm inqas proġetti ġodda, filwaqt li twaqqfu diversi xgħolijiet li kienu bdew qabel ma faqqgħet din il-pandemija.

Minn dan l-istħarriġ sar magħruf ukoll li madwar 50% tal-uffiċċji tal-Pertiti rraportaw li s’issa għadhom ma ġabrux 30% tal-flus li għandhom idaħħlu. Apparti dan, ħafna ħaddiema f’dan is-settur spiċċaw jaħdmu fuq 4 jew 3 day week.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian saħaq li l-għan ta’ dawn il-laqgħat li qed imexxi huwa li l-PN jifhem aħjar l-isfidi li qed jgħaddu minnhom diversi setturi, fosthom ukoll dan is-settur.

Adrian Delia tkellem fuq il-bżonn li issa rridu nħarsu ‘l quddiem u tiġi mfassla strateġija għal wara l-Covid. Irid ikun hemm kontribut minn kulħadd sabiex tinħoloq normalità ġdida, sostna Adrian Delia.

Il-Kamra tal-Periti qed tanalizza fejn irridu mmorru f’dan is-settur fis-snin li ġejjin sal-2050, speċjalment fir-rigward ta’ dak li qed tgħid in-Nazzjonijiet Uniti fid-dawl tat-tibdil fil-klima. 

Preżenti għal din il-laqgħa virtwali kien hemm id-Deputati Nazzjonalista Toni Bezzina u Kevin Cutajar kif ukoll il-President tal-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini.