Sport Sport Ieħor

Fiduċjuż li fil-ġimgħat li ġejjin jistgħu jirritornaw it-tlielaq tat-time trial – Joe Bajada, Segretarju tal-MCF

Vincenzo Nibali fi Franza (Ritratt: EPA)

Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu Joe Bajada jinsab fiduċjuż li fil-ġimgħat li ġejjin jistgħu jirritornaw il-kompetizzjonijiet tat-time trial, b’kull ċiklist jitlaq waħdu bi spazju ta’ minuta minn ċiklist ieħor. Minħabba l-avviż legali li waqqaf kull attività sportiva fil-pajjiż kawża tal-Covid-19, il-Federazzjoni Maltija  kellha tipposponi l-kompetizzjonijiet domestiċi b’mod indefinit.

Bħalissa qed isiru l-isforzi neċessarji biex meta jkun hemm l-awtorizzazzjoni, ikunu jistgħu jorganizzaw biss iż-żewġ kampjonati tagħhom, bil-Federazzjoni lesta li għal din is-sena biss torganizza ż-żewġ kampjonati domestiċi fuq tiġrija flok is-soliti tlieta, iżda b’distanza itwal.

F’kuntatt li dan il-ġurnal għamel, is-Segretarju tal-Federazzjoni Maltija kkonferma l-ħsieb li s-26 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta tista’ ssir aktar tard din is-sena, bil-pjan hu li jsir f’Ottubru, dejjem jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permess. Bajada kkonferma li bħala Federazzjoni ma kellhomx kuntatt dirett mal-awtoritajiet lokali iżda żied li se jressqu l-proposti tagħhom anki jekk ikunu fl-aħħar xhur tas-sena meta jkollhom il-permess li jistgħu jorganizzaw attivitajiet sportivi.

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu qed iżżomm kuntatt kontinwu mal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu u mal-Unjoni Internazzjonali. Il-Federazzjoni Ewropea għadha trid issib data tal-posponiment ta’ diversi avvenimenti fosthom l-Assemblea Ġenerali li kellha ssir f’Marzu f’Tel Aviv. Sa issa huma approvaw ir-rapporti annwali b’mod elettroniku. Dwar il-parteċipazzjoni internazzjonali, il-Federazzjoni qed tistenna li tingħata d-dati l-ġodda tal-Giro d’Italia Amatori fl-Italja u fl-International Solidarity Cycling Race fil-Polonja fost l-oħrajn.