“Il-Ministri Laburisti għandhom minnufih jħallsu lura l-flus li nefqu f’reklamar għas-social media personali tagħhom minn fondi pubbliċi.”
Hekk sostna l-Kap tal-PN meta kien qiegħed jiġi intervistat fuq Net Live wara li l-Ħamis inħareġ rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li wera kif erba’ Ministri: Silvio Schembri, Aaron Farrugia, Ian Borg u Edward Scicluna qed jagħmlu użu ħażin mill-fondi pubbliċi.
Adrian Delia qal li l-PN se jkun qed jaħdem biex issir investigazzjoni biex bħala pajjiż inkunu nafu kemm mid-Deputati tal-Gvern użaw flus, u qed jużaw flus il-poplu biex jimbottaw l-aġenda tagħhom.
“Ħriġna r-reazzjoni tagħna li dan mhux sewwa li jintużaw flus il-poplu biex Ministri jimbutaw l-aġenda personali tagħhom.”
Prova ta’ kemm il-Ministri ma jafux jagħmlu distinzjoni bejn il-Gvern, dak li hu tal-poplu u l-Partit Laburista
Il-Kap tal-PN qal li l-Ministri għandhom iżommu l-irwoli tagħhom ta’ membru parlamentari u membru ta’ partit politiku totalment separati filwaqt li sostna li aħna rridu nkunu nafu liema kienu dawk id-Deputati tal-Gvern l-oħra li għamlu użu ħażin ta’ dawn il-fondi.
“Jien irrid inkun naf ukoll liema huma dawk l-oħra, li qed jagħmlu użu ħażin mill-fondi pubbliċi.”
Adrian Delia qal li deputati Laburista ma jistgħux jużaw flus il-poplu għall-aġenda tagħhom.
“Dawn qed jieħdu minn flus il-poplu biex jużawhom huma, issa kif hemm varjetà, jew biex jagħmlu propoganda jew għall-commissions.”
Adrian Delia qal li jekk dawn iwebbsu rashom fl-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, ħaġa li issa ġiet ikkundannata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika; imma jkunu wkoll qegħdin jesponu ruħhom għal proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Pulizija tinvestiga dan l-abbuż ta’ fondi pubbliċi mingħajr dewmien.
//= $special ?>