Futbol Sport

Heung-Min Son ilesti s-servizz militari fil-Korea ta’ Isfel

(Ritratt: EPA)

L-attakkant ta’ Tottenham Hotspur Heung-Min Son lesta s-servizz militari mandatorju ta’ tliet ġimgħat fil-Korea ta’ Isfel. Waqt li l-istaġun kien sospiż minħabba l-coronavirus, Son irritorna f’pajjiżu f’Marzu biex ikompli jirkupra mill-ksur li sofra fid-driegħ tiegħu. L-uffiċjali qalu li l-plejer ta’ 27 sena spikka fl-isparar u kien l-aqwa wieħed fost 157 raġel, b’konsegwenza li rebaħ l-unur tal-aqwa prestazzjoni. L-irġiel kollha mill-Korea ta’ Isfel iridu jagħmlu s-servizz militari sal-età ta’ 28 sena.

(Ritratt: EPA)

Son kien eżentat mis-servizz mandatorju ta’ 21 xahar wara li għen lill-Korea ta’ Isfel tirbaħ il-Logħob Asjatiku fl-2018. Hu ggradwa f’ċerimonja li saret fil-gżira ta’ Jeju li tinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż. Is-servizz militarji nkluda ħiliet fl-isparar u fl-armi, taħriġ fil-kimika, il-bioloġija u r-radjoloġija flimkien ma’ taħriġ fl-ewwel għajnuna u l-battalji individwali.

Fuq il-media soċjali, il-klabb tiegħu Tottenham feraħlu u kkonferma li se jirritorna Londra l-ġimgħa d-dieħla. Minkejja li spiċċa t-taħriġ militari, Son xorta jrid jagħmel 544 siegħa ta’ servizz fil-komunità fi ftit anqas minn tliet snin li ġejjin.

(Ritratt: EPA)