Iċ-Ċina qed tidher urtata għal tentattivi biex it-Tajwan jieħu sehem f’laqgħa importanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li se ssir ‘il quddiem dan ix-xahar. Il-kelliema f’Beijing, intant, qalu li ‘it-Tajwan għandu jfalli fl-isforzi għal parteċipazzjoni (fil-laqgħa) għaliex dawn qed jibbażaw fuq manipaluzzjoni politika u mhux tħassib dwar is-saħħa tat-Tajwaniżi.
It-Tajwan qed jaħseb biex jattendi, bħala osservatur, għal-laqgħa tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (il-WHA, li hi l-entità li tieħu d-deċiżjonijiet għall-WHO) — u meta għal dan il-għan, qed jingħata appoġġ sinifikanti mill-Istati Uniti u alleati oħrajn, fosthom il-Ġappun.
L-esklużjoni tat-Tajwan mill-WHO minħabba ċ-Ċina (li tikkunsidra din il-gżira-Stat bħala provinċja ribelluża tagħha) irrabjat lill-Gvern Tajwaniż, li jinsisti li s-sitwazzjoni attwali qed taffettwa ħażin lill-ġlieda globali kontra l-Covid-19.
Intant, il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin saħaq li l-Partit Demokratiku Progressiv li jmexxi lit-Tajwan qed jipprova juża l-pandemija għall-iskopijiet tiegħu u li t-tentattivi ta’ Tajpej biex jissieħeb fil-WHO u jipparteċipa fil-WHA iridu jitqiesu bħala ‘attentat għal manipulazzjoni’ li mhux se jirnexxi.
Min-naħa tagħahom, it-Tajwan u l-Istati Uniti qed jgħidu li d-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, għandu l-poter biex, jekk irid, jistieden lit-Tajwan biex ikun parteċipi fl-WHA.
Intant, sorsi diplomatiċi fit-Tajwan jirrikonoxxu li mhux probabbli li Ghebreyesus jaċċetta, f’sitwazzjoni fejn iċ-Ċina ma tapprovax. Dan meta t-Tajwan jinsisti li l-ħarsien tas-saħħa hu dritt uman bażiku u li ‘iċ-Ċina qed tuża l-politika biex tfixkel dan id-dritt’.
Fl-istess ħin, it-Tajwan jesiġi ‘biex il-WHO ma tkunx immanipulata mill-politika ta’ pajjiż wieħed’ u biex l-Organizzazzjoni, f’dan iż-żmien tal-pandemija, tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-popli kollha tad-dinja.
Iċ-Ċina (li tgħid li għandha d-dritt biex tirrappreżenta lit-Tajwan fil-fora internazzjonali) u l-WHO qalu li t-Tajwan ingħatat l-għajnuna u l-informazzjoni li teħtieġ waqt il-pandemija. Iżda t-Tajwaniżi qegħdin jiċħdu bil-qawwi għal dan huma u jinsistu dwar id-dritt li jingħataw aċċess xieraq għall-WHO.
//= $special ?>