Internazzjonali

Il-Libja: ‘Xita ta’ balal’ qrib l-ambaxxati fi Tripli

L-Italja u t-Turkija qalu li balal sparati mill-qawwiet tal-Mexxej militar Libjan, Khalifa Haftar, laqtu l-inħawi qrib l-ambaxxati tal-pajjiżi rispettivi fi Tripli.

Il-mira, f’dan il-każ, tidher li kienet id-distrett ċentrali tal-kapitali– bl-Ambaxxatur Tork fi Tripli jgħid li missila ‘Grad’ laqtet bini ta’ qorti viċin l-ambaxxata tat-Turkija u b’missila oħra tinżel qrib il-bini tal-Ministeru Libjan għall-Affarijiet Barranin.

L-awtoritajiet Taljani qalu li l-bumbardament anki laqat zona ta’ Tripli madwar ir-residenza tal-Ambaxxatur Taljan u fejn inqatlu talanqas żewġ persuni.

L-Italja kundannat bla riservi l-attakk mill-Armata tal-Lvant ta’ Haftar li ilha x-xhur tibbumbardja lil Tripli bil-għan li taħtaf kontroll tal-kapitali mingħand il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti.