Coronavirus Sport Waterpolo

Il-pixxini ta’ ħafna klabbs fl-Italja jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli – Elena Borg, plejer ta’ Verona

Jekk il-Kampjonat Taljan A1 tal-irġiel twaqqaf, l-istess ġralu l-kampjonat tan-nisa fl-Italja. U jekk Stevie Camilleri u Matthew Zammit jilagħbu fl-A1 tal-irġiel, Elena Borg tilgħab fl-A1 tan-nisa. Hi tifforma parti mill-klabb ta’ CSS Verona, tim li sakemm twaqqaf il-kampjonat kien jinsab fir-raba’ post. F’kuntatt li dan is-sit għamel ma’ Elena Borg, qalet li għalkemm tinsab diżappuntata li l-kampjonat intemm għaliex is-sagrifiċċji u l-ħidma iebsa taru mar-riħ, temmen li ttieħdet l-aħjar deċiżjoni.

“Minħabba li d-deċiżjoni damet ma ttieħdet, bdiet issir problema għal ħafna atleti li jilagħbu barra minn pajjiżhom u li l-ħin kollu jridu jadattaw, jien waħda minnhom ovvjament.” Borg li għandha 20 sena, kompliet li l-coronavirus ħarbat il-ħajja ta’ ħafna u semgħet b’ħafna klabbs li l-pixxini tagħhom jinsabu f’kundizzjonijiet finanzjarji diffiċli. Borg li fil-kampjonat skorjat disa’ gowls, qalet li kieku l-kampjonat tkompla kien se jpoġġi ħafna pressjoni fuq il-klabbs, b’konsegwenza li mhux il-klabbs kollha kienu jkomplu u jagħmlu ċ-ċirkostanzi aktar inġusti għalihom u l-atleti tagħhom.

Hemm ukoll is-sitwazzjoni tal-kuntratti, fattur ieħor li jinkwieta lil kull atleta. Elena Borg qalet li bħalissa kollox jinsab sospiż u sostniet li ħadd ma jaf kif se jippjana l-futur, perjodu li hi tiddeskrivih bħala ta’ pawża. Borg innifisha tinsab kwarantina hekk kif irritornat f’pajjiżna mill-Italja fid-29 ta’ April wara deċiżjoni li taqbad titjira lejn Malta qabel kien tard wisq. Borg li hi prodott ta’ Exiles, ilha tilgħab ma’ Verona mill-2017.