Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-prijorità għandha tkun is-saħħa ta’ kull individwu”

L-Għaqda Maltija ta-Tobba tal-Familja (MCFD) tinkoraġġixxi lis-soċjeta tagħna u lil dawk li jfasslu l-politika ta’ pajjiżna li meta naqilbu l-folja, irridu naraw li l-affarijiet isiru b’mod tajjeb filwaqt li jkun evitat li jerġgħu jsiru ċerti żbalji. Il-prijorità f’dan kollu għandha tkun is-saħħa tal-individwu u mhux biss it-tkabbir ekonomiku.

Fi stqarrija l-Għaqda qalet li tinsab grata għall-maġġoranza tal-poplu Malti li f’din il-kriżi li ninsabu għaddejjin minnha, qed jimxi mal-istruzzjonijiet maħruġa mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika. Dan kollu qed ikun ta’ detriment għall-ekomonija Maltija b’impatt fuq in-negozji u l-untapriżi kif ukoll fuq il-ħaddiema u l-familji tagħhom, b’uħud saħansitra spiċċaw tilfu l-impjieg tagħhom.

L-Għaqda tisħaq li qabel ma faqqgħet din il-kriżi huma kienu diġà ħarġu b’diversi proposti li dak iż-żmien ġew imwarrba, fosthom diversi family friendly measures bħat-teleworking u online teaching. Proposti li eventwalment bdew jiġu attwati meta faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19.

Finalment l-MCFD tappella lill-politikanti sabiex minn dan kollu toħroġ xi ħaġa pożittiva fejn tkun attwata normalita ġdida li żżid il-ħarsien tas-saħħa ta’ kull individwu filwaqt li pajjiżna jottjeni żvilupp sostenibbli.