Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Ix-xogħol tal-edukaturi mhux qed jiġi apprezzat” – MUT

B’referenza għal dak li qed jiġi rappurtat dwar laqgħa virtwali, li saret bejn studenti, rappreżentanti tagħhom u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, ħareġ ċar li x-xogħol tal-edukaturi, fejn qed jagħmlu minn kollox sabiex jilħqu lill-istudenti, m’hux qed jiġi apprezzat. Dan b’referenza għat-talba li saret minn rappreżentanti tal-istudenti, sabiex edukaturi ma jibagħtux xogħol lill-istudenti matul il-lejl.

Fi stqarrija l-Union tal-Għalliem qalet li lesta għal djalogu ma’ kulħadd iżda saqsiet min huma dawn ir-rappreżentanti tal-istudenti u kif ġew magħżula.

L-MUT qalet li filwaqt li dan ikompli jikkonferma d-dedikazzjoni tal-maġġoranza tal-edukaturi, li qed jagħmlu minn kollox sabiex jagħtu esperjenza edukattiva lill-istudenti, huwa ta’ għib li jkun hemm diskors bħal dan bħallikieku l-edukaturi qed jippretendu li l-istudenti jistudjaw matul il-lejl.

“Dan huwa żmien diffiċli għal kulħadd, kemm għall-istudenti u anki għall-edukaturi. Ħafna edukaturi, speċjalment dawk li għandhom it-tfal, qed isibuha diffiċli li jżommu ħinijiet kif kienu tal-iskejjel u qed ikollhom jaħdmu filgħaxija. Allura sfortunatament m’għandhomx triq oħra ħlief li jikkomunikaw f’dak il-ħin. Dejjem ikun hemm żmien adegwat biex student jirrispondi, u mhux jiġi mitlub biex jirrispondi fi żmien qasir, u allura l-ħin ta’ meta tintbagħat il-komunikazzjoni ma tagħmilx differenza.”

L-MUT tappella lill-pubbliku u lill-Ministeru sabiex minflok jara ma xhiex ser jaqbad, jara x-xogħol kbir li qed jagħmlu u meta jkollhom mistoqsijiet u feedback jagħtuh lura lill-edukaturi u lill-iskola kif dejjem sar. Fl-istess ħin l-MUT tappella lill-edukaturi sabiex isibu bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol anki f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji. Importanti li dan jiġi salvagwardjat.

L-MUT tirringrazzja lill-edukaturi tad-dedikazzjoni kontinwa tagħhom sabiex joffru l-aħjar esperjenza edukattiva f’kull ċirkostanza.