Azzjoni li ttieħdet fil-qorti mill-assoċjazzjoni tal-bdoti (ALPA) ġiegħlet lill-Air Malta twaqqaf il-pjan tagħha biex tkeċċi ħafna mill-bdoti tagħha, fl-aħħar żviluppi waqt battalja li issa ilha għaddejja għal ġimgħat sħaħ bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-bdoti tagħha.
Il-kumpanija kienet tat 30 ġurnata lill-bdoti u lill-cabin crew biex jaslu għal ftehim mal-Air Malta qabel jibdew is-sensji. Dan kollu filwaqt li l-Gvern baqa dejjem jaħrab milli jiltaqa’ mal-ħaddiema li għal tant snin taw servizz lill-linja nazzjonali.
It-30 ġurnata skorrew ilbieraħ u għalhekk 80% tal-bdoti kienu se jispiċċaw mingħajr impjieg. Dan kollu wasal wara li l-kumpanija pruvat issib mezz kif toħroġ minn Collective Aggrements li fil-passat kienu ffirmaw il-unions mal-kumpanija. Dawn kienu jinkludu garanzija ta’ Take Home Pay.
Filwaqt li l-ftehim tal-Cabin Crew kien iffirmah missier il-Prim Ministru, il-ftehim tal-bdoti ffirmah Robert Abela nnifsu li wkoll kien konsulent legali tal-Air Malta. Dan tal-aħħar jidher li nżamm moħbi.
Skont rapport li deher fuq is-sit The Shift News, jidher li issa l-ALPA ħadet azzjoni fil-qrati ta’ Malta u akkużat lill-linja nazzjonali tal-ajru li naqset milli tissodisfa l-liġijiet dwar l-impjiegi, li jimponu negozjati obbligatorji qabel iseħħu s-sensji.
L-ALPA saħqet li f’Jum il-Ħaddiem, fl-1 ta’ Mejju, sebat ijiem biss qabel is-sensji ppjanati, l-Air Malta bagħtet lill-union proposti ġodda biex tbiddel it-termini tal-ftehim kollettiv.
L-ALPA qalet fis-sottomissjoni tagħha lill-qorti li, permezz ta’ din l-azzjoni, l-Air Malta esponiet l-intenzjonijiet reali tagħha u pruvat taħtaf opportunità biex biex il-bdoti jew jaċċettaw kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol jew jiffaċċjaw il-konsegwenzi.
Filwaqt li l-Air Malta kienet tgħid li se żżomm 26 pilota biss, biddlet il-ħsieb tagħha jumejn qabel ma ġew implimentati s-sensji. L-Air Malta qalet li se żżomm 62 pilot. Il-kumpanija akkużat lill-bdoti u l-membri tal-ekwipaġġ li bdiet il-proċess tas-sensji wara li l-ħaddiema rrifjutaw offerta biex titnaqqas il-paga tagħhom għal €1,200 fix-xahar. Madanakollu, anke wara li l-maġġoranza qablu dwar dan, is-sensji baqgħu imposti.
Il-mossa ġiet interpretata mill-esperti tal-industrija bħala skuża biex jitkeċċew iktar ħaddiema.
Il-linja tal-ajru nazzjonali ilha snin twal f’diffikultà finanzjarja minkejja sforzi kontinwi mill-Ministri Konrad Mizzi u Silvio Schembri biex ipenġu stampa differenti f’għajnejn il-pubbliku.
Fl-aħħar jiem, apparti l-ALPA, il-UCC li tirrapreżenta l-maġġoranza tal-Cabin Crew tal-Air Malta, fetħet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Prim Ministru u l-Ministru Silvio Schembri għaliex dawn baqgħu jaħarbu milli jitkellmu mal-union. Madanakollu, il-union għadha ma semgħet xejn rigward dan il-każ.
//= $special ?>