Ewropa Lokali

L-ewwel 8 immigranti jidħlu Malta; il-Gvern jirtira minn missjoni navali qrib il-Libja

Tard ilbieraħ bil-lejl iddaħħlu f’Malta l-ewwel tmienja minn grupp ta’ 18-il immigrant li fl-aħħar 24 siegħa talbu assistenza lil pajjiżna. Dawn l-immigranti kienu parti minn grupp akbar illi ġew salvati fiz-zona SAR ta’ Malta. Il-bqija tal-immigranti qed jinżammu fuq bastiment tal-Captain Morgan.

NET NEWS hu infurmat li l-10 immigranti li fadal jiddaħħlu Malta se jaslu pajjiżna fil-ħin li ġej.

Dwar dan sa issa ma kien hemm ebda komunikat uffiċjali la mill-Gvern u lanqas mit-tmexxija tal-AFM.

Din il-kriżi marbuta mal-immigrazzjoni qed tiżviluppa fl-istess waqt illi l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jirtira minn missjoni militari fil-Mediterran; missjoni li kienet intiża biex twaqqaf it-traffikar tal-armi minn u lejn il-Libja.

Il-ġurnal Times of Malta qed jirrapporta li l-Ġimgħa, pajjiżna kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex jinfurmaha li l-armata mhux se tibqa’ tieħu sehem fl-Operazzjoni Irini.

Sorsi minn Kastilja kkonfermat mat-Times li Malta lesta tuża l-veto biex twaqqaf it-tisħiħ ta’ din il-ħidma importanti kontra t-traffikar tal-armi fil-Mediterran.

Anke dwar dan, il-Prim Ministru Robert Abela għadu kompletamtn fil-muta.