Lokali

Il-PN jippretendi xandir pubbliku imparzjali

“Mix-xandir pubbliku wieħed jistenna l-ogħla livell ta’ aħbarjiet li jkunu korretti, fattwali u imparzjali.” Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt zjara illi għamel fl-uffiċini tal-Public Broadcasting Services.

Huwa żied jgħid “li l-fatt li x-xandir pubbliku jirċievu fondi pubbliċi iqiegħed responsabbilità kbira fuq dawk maħtura sabiex imexxu dan ix-xandir. Xandir pubbliku ma m’ghandu qatt ikun użat mill-gvern għal promozzjoni partiġġjana iżda għandu l-obbligu li jirrifletti u jxandar opinjonijiet diversi u saħansitra obbligat ixandar kritika għal deċiżjonijiet tal-gvern.”

Waqt iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni, li kienet magħmula wkoll mis-Segretarju Ġenrali tal-PN Francis Zammit Dimech u mid-Deputat Therese Comodini Cachia, iltaqghet ukoll ma’ diversi ħaddiema inklużi l-membri tal-kamra tal-aħbarjiet.

Huma ltaqghu fost l-oħrajn ma’ Tonio Portughese ċ-Chairman tal-Bord tal-PBS u ma’ Reno Bugeja bħala Kap tan-Newsroom tal-PBS. F’din il-laqgha ġew diskussi wkoll l-obbligi tal-Public Broadcasting Services bħala x-xandar pubbliku, inkluż għall-promozzjoni tal-kultura u l-identità Maltija, kif ukoll biex ikun l-akbar promozzjoni possibbli tal-kreattività.