Lokali

Li tibqa taħdem wara l-età tal-pensjoni mhix konċessjoni iżda dritt mogħti minn Gvern Nazzjonalista – APAN

Matul il-kors ta’ din l-pandemija, ġie stabbilit u ripetut il-fatt li l-anzjani huma fost l-aktar persuni vulnerabbli li jistgħu ikunu vittmi tagħha.  L-Awtoritajiet tas-Saħħa kontinwament ifakkru biex l-anzjani joqogħdu aktar attenti u viġilianti għall-istruzzjonijiet mogħtija.

L-anzjani, kif għidna fi stqarrija tal-APAN aktar kmieni dan ix-xahar, batew u għadhom ibatu diversi konsegwenzi tal-pandemija.  Tbatija mhux biss emozzjonali bħalma hi d-distanza li jridu jżommu mill-għeżież tagħhom u privi milli jħaddnu liċ-ċkejknin neputijiet tagħhom imma wkoll diffikultajiet finanzjarji varji u reali.

L-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Gvern Laburista biex ittaffi xi ftit it-telf finanzjarju ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema milquta mill-effetti ħżiena tal-pandemija mill-ewwel uriet biċ-ċar li ma kienetx adegwata.  Eventwalment uriet ukoll li kienet waħda diskriminatorja, għax ħalliet barra eluf oħra li m’huma jieħdu lanqas ċenteżmu wieħed u tħallew jixxejru għal rieħhom.

Fost dawn tal-aħħar hemm numru sostanzjali ta’ anzjani pensonanti li baqgħu jaħdmu wara l-eta tal-irtirar; dritt mogħti lilhom minn Gvern Nazzjonalista mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.  Dritt li jġib miegħu id-dmir li jħallsu t-taxxa fuq l-impjieg tagħhom, taxxi li allura jkomplu jkabbru l-ekonomija tal-pajjiż. Terġa’ xi wħud minn dawn ma jibqgħux jaħdmu biss biex jżommu ruħhom attivi,  imma wkoll għax bil-pensjoni li jirċievu ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.  

Dawk il-pensjonanti li baqgħu jaħdmu u qabżu l-eta  ta 65 sena ġew esklużi kompletament milli jirċievu s-somma ta’ €800 fix-xahar bħal ma qed jieħdu  ħaddiema oħra.  Din hi diskrimanazzjoni kerha u perikoluża għax turi li l-Gvern laburista jqis l-impjieg ta’ min hu pensjonant bħala konċessjoni u mhux dritt.  L-iskuża li ġab il-Gvern għal din l-inġustizzja hi għax il-pensjonanti li baqgħu jaħdmu għandhom ukoll il-pensjoni.  Din il-pensjoni kienu ħallsu għaliha b’xogħlhom u għażlu li jibqgħu jaħdmu għax ma jistgħux  ilaħħqu mal-hajja u mhux b’ kapriċċ.

L-APAN tirribatti bil-qawwa kollha din id-diskriminazzjoni sfaċċata ma’ sezzjoni tal-anzjani Maltin u Għawdxin u tappella lill-Gvern biex jirrimedja din l-ingustizzja.