Ewropa Lokali

Malta tfakkar il-75 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija

L-Ewropa kollha, inkluż Malta, fakkret il-75 anniversarju mill-VE Day – il-jum li jimmarka r-rebħa tal-alleati fuq in-Nazi, u t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

F’pajjiżna, diversi knejjes daqqew il-qniepen tagħhom f’nofsinhar…filwaqt li kien hemm ħafna lokalitajiet li ħarqu logħob tan-nar biex jimmarkaw ir-rebħa fit-Tieni Gwerra Dinjija, b’Malta jkollha sehem ewlieni minħabba li kienet il-fulkru tal-operazzjoni militari tal-Brittanniċi fir-reġjun tal-Mediterran.

Għall-qlubija tagħhom, il-Maltin kienu ngħataw il-George Cross mir-Re George VI fl-1942.

Tliet snin wara…propju bħal-lum 75 sena ilu…in-Nazzisti kienu ċedew. Id-data tibqa’ mmarkata fl-istorja – it-8 ta’ Mejju 1945 – it-tmiem tat-Tieni Gwerra wara kważi 6 snin ta’ ġlied qalil, u vittmi.

Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali b’diversi inizjattivi għall-75 Anniversarju mit-Tieni Gwerra

Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN) b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, qed torganizza għadd ta’ attivitajiet kommemorattivi fi ħdan il-75 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.

Minħabba l-impatt tal-COVID-19 u d-direttiva marbuta mal-avvenimenti organizzati, l-attivitajiet u ċ-ċerimonji assoċjati ma’ din il-ġurnata storika kellom jiġu kollha mħassra.

Fost il-produzzjonijiet televiżivi li wieħed ser jkun jista’ jgawdi b’rabta ma’ V.E. day, insibu dokumentarju, produzzjoni mużikoletterarja u kunċert mużikali.

“Filwaqt li f’dawn iż-żminijiet huwa difficli biex jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, Festivals Malta xorta ħasbet biex toffri programm varjat u t’interess lill-pubbliku ġenerali” stqarr il-Ministru Herrera fejn tenna li huwa importanti li parti integrali tal-istorja tagħna tibqa’ tiġi mfakkra b’materjal u kontenut professjonali.

Annabelle Stivala, id-direttur ta’ Festivals Malta, ikkummentat li f’dawn iż-żminijiet, dawn l-inizjattivi joffru raġġ ta’ tama għall-poplu kollu. “Permezz ta’ dan il-programm, aħna mhux biss ser nkunu qed noffru divertiment lil poplu Malti u Għawdxi, imma ser nkunu qed niċċelebraw u nikkomemoraw fis-sħiħ it-taqbid li għaddew minnhom missirijietna fi żmien il-gwerra”.