Futbol Sport

SEBA’ SNIN ILU: Ferguson iħabbar li se jirtira wara 26 sena u nofs imexxi lil Manchester United

8 TA’ MEJJU 2013

Eżattament għaddew seba’ snin minn meta Sir Alex Ferguson ħabbar li se jirtira fi tmiem l-istaġun 2012/13. Bla dubju li Ferguson hu l-aqwa manager li Manchester United kellhom fl-istorja tagħhom u għandu jitniżżel bħala wieħed mill-aqwa managers fl-istorja tal-futbol. Ferguson qal li d-deċiżjoni li jirtira kienet waħda li ilu żmien jaħseb fuqha u ma kinitx deċiżjoni faċli, imma jħoss li dak iż-żmien kien il-mument opportun li jagħmel dan.

L-Iskoċċiż inħatar manager ta’ Manchester United lura fl-1986 u tul il-karriera tiegħu rebaħ 13-il darba il-Premier League, ħames darbiet l-FA Cup, erba’ darbiet il-League Cup, 10 darbiet il-Community Shield, darbtejn il-UEFA Champions League, it-Tazza tat-Tazzi, is-Super Cup Ewropea, it-Tazza Interkontinentali u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs għal total ta’ 38 unur. Fl-1999, Ferguson mexxa lit-tim għar-rebħ tat-tripletta.

Hu mexxa lir-Red Devils għal 1,500 logħba, bl-aħħar logħba tiegħu kienet fid-19 ta’ Mejju tal-2013. Dakinhar Manchester United spiċċaw fi draw ta’ 5-5 kontra West Bromwich Albion f’The Hawthorns. Minn meta ritra, Ferguson baqa’ jsegwi lil Manchester United f’Old Trafford, b’eċċezzjoni ta’ ftit xhur meta fil-bidu ta’ Mejju tal-2018 kien iddaħħal l-isptar minħabba emorraġija f’moħħu. Hu rritorna f’Old Trafford fit-22 ta’ Settembru u għadu persuna influwenti fil-klabb.