Ekonomija Lokali

Silvio Schembri ma jridx jagħmel apoloġija wara abbuż minn Facebook

Minkejja li kien mistoqsi darba, darbtejn, tlieta minn ġurnalisti differenti, il-Ministru tal-Ekonomija baqa’ ma ghamel ebda apoloġija jew ikkommetta ruħu li se jagħti xi flus lura wara ċ-ċanfira li qala’ mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar l-użu personali tal-media soċjali b’fondi pubbliċi.

Il-Kummissarju Hyzler wera bic-car li “diversi Ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi sabiex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq il-midja soċjali”… Hu saħaq li dan huwa abbuż, għaliex qed jintużaw t-taxxi taċ-ċittadin Malti għal għanijiet ta’ propoganda “biex il-Ministri jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom”.

Fost dawn il-Ministri, kien hemm propju Silvio Schembri u minkejja kliem sabiħ dwar trasparenza waqt li kien qed jindirizza lill-media, mill-investigazzjoni tal-Kummissarju li saret fuq ħames Ministri, kienu biss 2 li ma wieġbux għall-mistoqsijiet mibgħuta minn George Hyzler; Ian Borg u l-istess Silvio Schembri.

Filfatt, fil-każ tal-Ministru tal-Ekonomija, George Hyzler irrefera għal filmat li ppublikat fuq il-paġna personali tiegħu, komplut bil-logo tal-Ministeru u għaldaqstant dan iwassal sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-filmat ġie prodott u mħallas minn fondi pubbliċi.

George Hyzler saħaq li “ġaladarba l-filmati ma jidhrux fuq channel jew paġna uffiċjali, jista’ jasal għal konklużjoni li dan il-filmat ġie magħmul speċifikament għal paġna personali tal-Ministru Schembri – dan huwa abbuż mir-riżorsi pubbliċi”. Il-filmat saħansitra jagħlaq bil-logo komplut b’isem Silvio Schembri deskritt mill-Kummissarju bħala aġir li ma jifridx il-Ministru mill-politikant.

Intant, waqt din il-konferenza, Silvio Schembri kien mistoqsi għal aktar minn darba fuq il-laqgħa f’Kastilja li kellhom Joseph Muscat, Robert Abela u l-istess Ministru.

Ir-rispoti tal-Ministru jitkellmu waħedhom. Gvern ta’ Robert Abela, li qed jibqa’ jingħata parriri mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat; il-persuna li skont l-OCCRP hu r-ragel tas-sena 2019 għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.