Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Tliet fażijiet biex jintemm il-lockdown fl-Awstralja

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ħabbar pjan ta’ rilaxx ta’ ċerti miżuri imqassam fi tliet fażi biex l-Awstralja tibda ttemm il-lockdown ftit ftit.

L-ewwel pass se jkun li jitħallew jiltaqgħu sa 5 persuni fid-dar u sa 10 persuni f’post pubbliku u fuq ix-xogħol, waqt li jitkompla t-telework, iżda jinfetħu restorants, libreriji, bandli, u jkun permess vjaġġar reġjonali.

It-tieni pass huwa li dan in-numru jitla’ għal 20 persuni filwaqt li jinfetħu l-gyms, ħwienet tas-sbuħija, ċinemas, mużewijiet, parks, waqt li jitħalla xi vjaġġar bejn l-istati.

It-tielet fażi tkun li l-gruppi jitilgħu sa 100 kullimkien u kulħadd jirritorna għax-xogħol. F’din il-fażi jinfetħu l-bars u jsir vjaġġar bejn l-istati, u jkun ikkunsidrat vjaġġar ta’ studenti minn ċertu postijiet barra l-pajjiż.

Għalissa social gatherings u ikliet fir-ristoranti fl-ikbar bliet Awstraljani mhux se jidħlu fis-seħħ. Dan hekk kif id-deċiżjoni dwar meta se jiġu implimentati dawn il-passi se titħalla f’idejn l-istati u t-territorji individwali skont meta jħossu li huwa xieraq li dan iseħħ.

L-istati ta’ South Wales u Victoria qed jirraporaw ftit każijiet ġodda kuljum. L-istati li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Awstralja se jiftħu nhar it-Tnejn li ġej, Queensland fis-16 ta’ Mejju, u Tasmanja fit-18 ta’ Mejju.