Lokali

“Tlifna waħda minna” – kollegi ta’ Elenia

“Tlifna kollega, ħabiba li konna nqisuha oħtna”.  Hekk iddeskrivewha lil Elenia Briffa uħud mill-kollegi taghha, wara li t-tfajla ta’ 19-il sena tilfet ħajjitha traġikament ftit passi ‘l bogħod mill-uffiċċju tal-Malta Post f’Ħal Qormi.

“Mument diffiċli għal kulħadd”

F’kummenti magħna, kommoss u mimli emozzjonijiet, is-Supervisor ta’ Elenia, Neville Galea qal li t-tfajla kienet dejjem tagħmel xogħol mill-qalb u li magħha, għalkemm hi kienet ta’ fomma sieket, kien jieħu gost jitħaddet.

Elenia kienet pustiera eżemplari, ta’ ftit kliem, l-unika suġġett li ġieli konna nitkellmu jien u hi kienu fuq iż-żwiemel u l-festi, għalkemm jien ma nsegwix iż-żwiemel… imma kont nieħu gost nitkellem magħha. Ir-reazzjoni hija waħda ta’ xokk, xokk kbir, is-sezzjoni tagħna għadha taħt xokk qawwi, huwa mument diffiċli għal kulħadd.”

Neville Galea – Supervisor

“Tlift oħt”

Rodney Ellul, Area Manager mal-Maltapost, qalilna li għalih il-kollegi tax-xogħol huma t-tieni familja, u qal li lil Elenia kienu jqisuha bħala oħthom.

“Kienet pustiera eżemplari, kienet mistħija, imma ħafna eżemplari, tagħmel xogħolha perfett, kienet pustiera li ġiet hawn biex taħdem u sabet ix-xogħol li vera kien għal qalbha. Personalment tlift waħda mill-impjegati tiegħi. Hawn jien inqis lill-kollegi bħala waħda mill-familja tiegħi, hawn t-tieni familja tiegħi – tlift oħt.”

Rodney Ellul – Area Manager

“Elenia kienet waħda minna”

L-Operations Manager, Edwin Abdilla qal li jiftakar il-mument meta Elenia kienet għamlet l-ewwel interview għax-xogħol ta’ pustiera.

“Kienet kwieta ħafna, waqt li kienet ħierġa dakinhar għedtilha bonġu, l-aħħar li kellimtha, meta smajt l-aħbar kont qiegħed hawn, bqajt bla kliem, l-aħbar kesħet lil kulħadd, ħaddiema baqgħu kwieti, bla kliem, kulħadd taħt xokk, hija xi ħaġa kerha ħafna u sakemm noħorġu minnha se ndumu ftit mhux ħażin, Elenia kienet waħda minna…”

Dawn kienu uħud mill-messaġġi ta’ qsim il-qalb, bil-ħaddiema tal-posta mnikkta għall-mod li bih Elenia ħalliet din id-dinja ħabta u sabta, wara biss ftit xhur taħdem magħhom.

Edwin Abdilla – Operations Manager