Lokali

33 sen’ilu – il-PN jirbaħ l-elezzjoni tal-1987

Għażla ċara: Eddie Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista

Bħal-lum 33 sen’ilu, fid-9 ta’ Mejju, 1987, il-poplu Għawdxi u Malti kien għamel għażla ċara, b’vuċi waħda u b’rieda soda kien għażel lill-Partit Nazzjonalista sabiex ħatar lill-Eddie Fenech Adami għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta.

F’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista kien temm is-16-il sena tmexxija ta’ Gvern Laburista – tmexxija mifnija b’korruzzjoni, biża’, vjolenza u traġedji nazzjonali. Ir-rebħa ma titqisx sempliċiment waħda politika, iżda rebħa favur il-libertà u d-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, li taħt Gvern Laburista partitarji Laburisti saħansitra kienu werwru lill-uliedu u lil mara tiegħu waqt li għamlu ħerba sħiħa mid-dar tiegħu, kien għeleb lill-Karmenu Mifsud Bonnici.

Din ir-rebħa tibqa’ waħda speċjali mhux biss għall-Partit Nazzjonalista iżda tinżel fl-istorja bħala waħda li wittiet it-triq għas-sewwa wara d-dalma li spiċċa fiha l-pajjiż fis-snin 80. Sa ftit ġimgħat qabel, membri mill-iskwadra tal-SMU kienu sawtu lill-partitarji Nazzjonalista f’Ħaż-Żebbuġ.

F’Novembru tal-1986, sitt xhur qabel din ir-rebħa storika, Malta kellha tixhed għall-agħar jum ta’ vjolenza politika fl-istorja tal-pajjiż. Fit-30 ta’ Novembru l-partitiarji Nazzjonalisti mxew lejn Triq tal-Barrani, fiż-Żejtun, fejn bdew ikunu ndirizzati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u l-Viċi Kap Guido de Marco.

Quddiemha, l-folla Nazzjonalista sabet grupp ta’ partitarji vjolenti Laburisti u l-Pulizija tal-SMU li bdew jisparaw il-gass tad-dmugħ biex l-attakki fuq il-partitarji Nazzjonalisti ggravaw aktar mal-ħin.

L-inċidenti taż-Żejtun kienu l-bidu ta’ katina ta’ inċidenti vjolenti oħra, inċidenti li wasslu għall-qtil politiku ta’ Raymond Caruana fil-Gudja u għall-frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil.

L-għada tal-vjolenza politika fiż-Żejtun, partitarji Laburisti sparaw fuq il-każin Nazzjonalista ta’ Ħal- Tarxien, bl-istess arma li ntużat fiż-Żejtun u li ftit ġranet wara intużat biex biha inqatel Raymond Caruana fil-Gudja.