Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: każ ġdid pożittiv

"L-aqwa rigal għal ommna hi li nżommuhom siguri f'Jum l-Omm"

Fl-aħħar 24 siegħa 8 persuni oħra kienu mfejqa sabiex issa l-ammont totali ta’ persuni mfejqa huwa dak ta’ 427.

Dan filwaqt li persuna waħda ttestjat pożittiv, raġel Spanjol ta’ 34 sena li kien qed jaħdem fuq bażi ta’ telework. Dan ifisser li l-barrani kien l-490 każ pożittiv f’Malta sabiex issa bħala pożittivi attivi huwa dak ta’ 58 każ.

Dan kollu tħabbar mill-Professur Charmaine Gauci fejn saħqet li bħalissa s-sitwazzjoni f’Malta hija waħda stabbli u appellat lill-pubbliku sabiex jibqgħu jsegwu l-miżuri tad-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.

Is-suprintendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li tifhem li hemm ommijiet li din is-sena ma jistgħux jiċċelebraw Jum l-Omm ma’ uliedhom minħabba ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom. Hija saħqet li dan huwa l-aqwa rigal li tista tagħti lill-ommok – ejjew nżommu l-ġenituri tagħna siguri.

Meta mistoqsija minn NET NEWS Profs. Gauci, hija appellat ukoll lill-pubbliku sabiex fil-jum ta’ għada ma jiffullawx fiċ-ċimiterji meta jmorru jżuru l-qabar ta’ ommhom jew nanniet tagħhom.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.