Bħal-lum 70 sena kienet iffirmata d-Dikjarazzjoni bejn Franza u dik li kienet il-Ġermanja tal-Punent biex il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar issir taħt awtorità komuni. Ftehim li wassal għat-twelid ta’ dik li llum nafuha bħala l-Unjoni Ewropea, biż-żewġ pajjiżi jaqblu li lesti jilqgħu fi ħdanhom ukoll pajjiżi oħrajn tal-punent.
L-għan kien wieħed ċar: li tinħoloq koperazzjoni b’interessi komuni fost il-pajjiżi Ewropej għal integrazzjoni politika u ħidma ta’ paċifikazzjoni bejniethom. Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru Franċiż tal-Affarijiet Barranin Robert Schuman kien qal li l-Ewropa mhix se tinħoloq kollha f’salt jew b’xi pjan wieħed. Se tinbena fuq il-kisbiet konkreti li minnhom infushom iwasslu għas-solidarjetà bejn il-pajjiżi.
Din il-missjoni politika mnedija wasslet biex dan il-ftehim jibqa’ magħruf sal-lum bħala d-Dikjarazzjoni Schuman, fid-dawl tal-ħerba li kienet ħalliet warajha l-gwerra u x-xewqa fost il-pajjiżi milquta biex din ma tirrepetix ruħha, iżda tibda l-ħidma għall-koperazzjoni.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman ma waqgħetx fuq widnejn torox, hekk kif sabet l-appoġġ immedjat tal-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent Konrad Adenauer u anke tal-Gvernijiet tal-Olanda, il-Belġju, l-Italja u l-Lussemburgu – is-sitt pajjiżi fundaturi, li sena biss wara ffirmaw it-Trattat ta’ Pariġi, li ħoloq il-Komunità Ewropea għall-Faħam u l-Azzar.
Mas-snin, din żviluppat għall-Komunità Ekonomika Ewropea u eventwalment għall-Unjoni Ewropea – kif nafuha llum – immexxija mill-istess istituzzjonijiet li twaqqfu 70 sena ilu, iżda li raw li jibqgħu jżommu ruħhom rinnovati matul is-snin.
Mat-tmiem tal-karriera politika tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej, Robert Schuman kien iddikjarat mill-Parlament Ewropew bħala “Missier l-Ewropa”, filwaqt li d-data tad-Dikjarazzjoni li ffirma hu, bdiet titqies bħala Jum l-Ewropa.
Sa mis-snin 60, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, pajjiżna kien diġà mmira l-politika barranija tiegħu lejn assoċjazzjoni mal-kumplament tal-Ewropa. Iżda din il-ħidma reġgħet qabdet rankatura sew fl-aħħar tas-snin 80, meta reġa’ fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista – issa taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami.
Fil-fatt, sa mill-ewwel snin tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista – dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni – Fenech Adami kien beda jispjega l-politika tal-Partit immexxi minnu, jiġifieri li postna hu ma’ sħabna l-Ewropej.
Ħidma kontinwa, spalla ma’ spalla ma’ politiċi bħal Guido de Marco, li reġgħet sabet l-intoppi meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern – fl-1996 – bil-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Alfred Sant jiddeċiedi li jiffriża l-applikazzjoni ta’ pajjiżna biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Kellu jerġa’ jkun Gvern Nazzjonalista – sentejn biss wara – li ra li l-mixja politika tissokta għax il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li minbarra li Maltin, aħna wkoll Ewropej.
Mixja li wasslet sar-Referendum tal-2003, meta l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin ivvotaw IVA għal sħubija sħiħa u ma beżgħux li aħna nistgħu nkunu sempliċiment makku. Vot qawwi li xorta sab ħajt mill-Partit Laburista, li ma riedx jaċċettah, iżda ried konferma b’elezzjoni ġenerali.
Għalhekk, il-Prim Ministru Fenech Adami sejjaħ elezzjoni ġenerali, li ssiġillat ix-xewqa tal-poplu u wasslet għall-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni, sena wara, fil-kapitali Griega Ateni. Pass li wassal biex illum Malta ilha 16-il sena membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>