Sport Waterpolo

Għadna ma nafux meta l-isport se jirritorna għal xi forma ta’ normalità – Andrew Paris, President ta’ Exiles SC

(Ritratt: Trevor Sollars)

“Il-problema hija li għadna ma nafux meta se nirritornaw għal xi forma ta’ normalità.” L-appell u kliem il-President ta’ Exiles Sports Club Andrew Paris li mhux biss jirrappreżenta lill-klabb tiegħu iżda dawk tal-waterpolo u l-isport l-ieħor f’pajjiżna. F’dawn iż-żminijiet waqt il-pandemija tal-coronavirus, l-isport f’Malta sofra daqqa ta’ ħarta mhux biss mill-att sportiv iżda aktar mill-aspett finanzjarju. F’kuntatt li dan is-sit għamel miegħu, Paris iqis dan l-aspett bħala l-akbar diffikultà li qed iħabbtu wiċċhom magħha.

Andrew Paris

Minħabba li l-klabb li jmexxi Paris hu dak marbut mal-isport akwatiku, ix-xhur tas-sajf huma l-aktar fondamentali għalihom. “Il-klabbs tagħna huma magħluqin meta normalment bħalissa jibdew jieħdu l-ħajja wara x-xitwa. 80% tad-dħul tagħna jiġi mir-ristoranti, mill-miżati li jħallsu l-membri u l-isponsors marbutin mat-timijiet tal-waterpolo u x-xogħol fil-pitches. Permezz tal-avviż legal mid-Dipartiment tas-Saħħa, l-attivitajiet sportivi kollha huma mwaqqfa u għalhekk għal Exiles u l-klabbs l-oħra, waqfilhom it-taħriġ tal-għawm u l-waterpolo taż-żgħar li wkoll kien jiġġenera dħul lill-klabbs. Dan minbarra li għadhom ma jafux jekk u meta l-plejers tagħhom hux se jkunu jistgħu jirritornaw għat-taħriġ u jilagħbu l-kampjonati.

(Ritratt: Martin Agius)

Minbarra d-dħul li mhux qed jasal u l-klabbs jinsabu magħluqin, dawn xorta għandhom l-ispejjeż. Il-kowċis tal-isport akwatiku baqgħu f’pajjiżna u għalhekk iridu jitħallsu minħabba li dan hu l-għajxien tagħhom. Huma applikaw għal għajnuna iżda għadhom ma rċevew l-ebda risposta. Il-pagi tal-plejers tibqa’ wkoll tpoġġi piż fuq it-tmexxija tal-klabbs. Fuq insistenza inizjali ta’ Paris, ittieħdet id-deċiżjoni li jekk jintlagħab il-Kampjonat tas-Sajf, jintlagħab mingħajr plejers barranin biex jonqos il-piż fuq il-klabbs. Paris irringrazzja lil SportMalta tal-koperazzjoni u għajnuna li qed isibu permezz tal-ASA.