9 TA’ MEJJU 2015
Hibernians iċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tal-11-il kampjonat fl-istorja tagħhom b’rebħa mingħajr diffikultà ta’ 3-1 kontra Valletta. B’hekk huma temmew kampjonat li ddominaw hekk kif spiċċaw b’27 rebħa, ħames draws u telfa, 97 gowl skorjat u b’vantaġġ ta’ disa’ punti fuq l-istess Valletta. Dan kien l-ewwel kampjonat mirbuħ minnhom mill-istaġun 2008/09 u t-tmien wieħed taħt l-era tal-President Tony Bezzina.

Hibernians fetħu l-iskor wara kwarta meta minn passaġġ meqjus ta’ Bjorn Kristensen, kien JORGINHO li minkejja li kien issikat minn Luke Dimech, għeleb lil Pietro Marino b’xutt għar-rokna. It-tim ta’ Branko Nisevic irdoppja fis-36 minuta u din id-darba kien il-captain Andrew Cohen li qassam lejn JORGINHO bl-attakkant jantiċipa l-ħarġa ta’ Marino u skorja.

Il-festa Pawlista kompliet fil-50 minuta. JORGINHO ssupera lil Dimech u twaqqa’ minn Marino, bir-referee Clayton Pisani jordna penalty, bl-istess plejer jgħaqqad it-tripletta u laħaq lil Tarabai fil-quċċata tal-aqwa skorers. Valletta naqqsu d-distakk fit-82 minuta meta SHAUN BAJADA seraq ballun mingħand Marcelo Dias u skorja wara li qabad barra minn postu lil Henry Bonello.
Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Andrew Cohen irċieva t-trofew u merfugħ fuq l-ispallejn, għolla t-trofew fost il-briju tat-3,890 spettatur fil-maġġoranza assoluta, partitarji ta’ Hibernians.
