Lokali

“Il-Gvern jinsab aktar moħħu fil-PR stunts” – FPPN

“Il-Gvern injora lill-professjonisti self-employed”

“Il-Gvern jidher li abbanduna għal kollox il-professjonisti milquta mill-kriżi pandemika ta’ Covid-19 u aktar moħħu fil-PR stunts“.

Hekk sostnew fi stqarrija il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) fejn saħqu li filwaqt li l-Gvern aktar moħħu biex jorganizza l-konferenzi stampa mimlija tilja tlellix u jroxx il-flus, huwa l-istess Gvern li ma rrilassax it-taxxi.

Dan l-għaliex l-impressjoni li qed tingħata hija li ma ġew imposti l-ebda deadline fuq it-taxxi tul ix-xahar ta’ April, madanakollu dan mhux mera tar-realtà.

F’dan iż-żmien tant kritiku li għaddejjin minnu, numru ta’ professjonisti f’pajjiżna qed isibuha ferm diffiċli biex ilaħqu mal-kriżi finanzjarja kawża tan-nuqqas ta’ dħul li sofrew. Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern mhux talli ma sabx lok sabiex jgħin b’supplimenti finanzjarji lil dawn il-persuni, imma ma sab l-ebda raġuni għalfejn kellu jipposponi l-ħlas tat-taxxa għall-2019 għas-self-employed, u l-15% taxxi tad-dħul fuq ir-renta għall-2019, li kellu jitħallas tul ix-xahar ta’ April.

L-FPPN saħqu li l-Gvern mistenni jżomm id-deadline tat-30 ta’ Ġunju għal ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul tas-self employed għas-sena 2019 u b’hekk jinjora għal kollox t-tbatija li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-professjonisti self-employed.

Il-Gvern jinsab maqtugħ mir-realtà ekonomika li s-soċjetà tinsab fiha

Huma sostnew li l-fatt li l-Gvern xorta waħda jidhirlu li jpoġġi lill-professjonisti f’din is-sitwazzjoni finanzjarja minkejja l-kriżi pandemika li d-dinja kollha qed tħabbat wiċċha magħha huwa evidenza ta’ kemm il-Gvern Laburista huwa maqtugħ mir-realtà.

L-FPPN insistiet li l-Gvern għandu jgħin lil kulħadd b’mod ħolistiku. Filwaqt li mill-aspett ta’ saħħa kull pass li qed jittieħed huwa wieħed professjonali – mil-lat ekonomiku u l-aspett soċjali għad hemm ħafna xi jsir.

Finalment sostnew li l-inkwiet tagħhom kompla jiżdied meta l-Prim Ministru avviċina lill-aktar raġel korrot fid-dinja għas-sena 2019, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għall-pariri ekonomiċi.