Ewropa Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar Jum l-Ewropa

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mad-diversi partiti Ewropej sabiex ifakkar u fl-istess ħin jifraħ f’Jum l-Ewropa. Mertu tad-diskors programmatiku ta’ Robert Schuman li sar sebgħin sena ilu fid-9 ta’ Mejju 1950 tqiegħed l-bażi u l-pedament ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Carmelo Mifsud Bonnici u Kristy Debono u s-Segretraju Internazzjonali Roselyn Borg Knight saħqu li kienet mingħajr ebda forma ta’ dubju l-viżjoni, l-ispirazzjoni ta’ mexxejja oħra demokratiċi nsara li ngħaqdu miegħu. Konrad Adenauer, Alcide de Gasperi kienu hemm fl-għarfien li id-demokrazija Ewropea tikber fil-valuri nsara. Fl-għarfien tad-dinjità sħiħa tal-persuna umana u fuq kollox fl-importanza tas-solidarjetà bejn il-bnedmin, bejn il-klassijiet kollha fis-soċjetà sabiex tikber l-ġustizzja soċjali u tagħraf tipproteġi lil dawk li għal raġuni jew oħra jibqgħu lura.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li mertu tal-mexxejja tiegħu pajjiżna huwa llum membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Membru li għandu s-saħħa ta’ vuċi fil-kapitlu daqs l-oħrajn u li għandu d-dmir li jħaddem. Pajjiżna ġid ħa minn din id-deċiżjoni. Propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella sabiex il-Gvern flok jaqa’ għat-tentazzjoni li jippermetti li jkun hemm messaġġi politiċi anti-Ewropej minflok iħaddem sewwa d-drittijiet u d-dmirijiet li għandu.