Insaħħu l-prinċipji tas-solidarjetà u koperazzjoni – Adrian Delia, Kap tal-PN
F’Jum l-Ewropa għandna nsostnu l-prinċipji ta’ koperazzjoni u solidarjetà b’mod speċjali f’dan il-mument ta’ kriżi.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’għeluq is-70 sena mindu numru ta’ pajjiżi Ewropej ingħaqdu flimkien sabiex jissaħħu dawn il-valuri fil-kontinent.
Fid-9 ta’ Mejju mhux biss tifkira Ewropea iżda tfakkira ta’ paċi u għaqda li hemm bejn il-pajjiżi Ewropej.
Bħal-lum 70 sena ilu, fl-1950, l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman kien ippreżenta ix-Schuman Declaration li kienet tipproponi t-twaqqif ta’ Kommunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, sabiex il-membri kollha produtturi ta’ dawn il-materjali jingħaqdu.
Il-membri fundaturi ta’ din il-Komunità kienu proprju Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu. Dan kien l-ewwel pass fil-formazzjoni tal-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.
L-idea wara t-twaqqif ta’ din il-Komunità kienet li ssaħħaħ il-pajjiżi Ewropej li kienu għadhom qed jippruvaw jirkupraw mid-distruzzjoni u x-xokk ekonomiku tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fost il-kwotazzjonijiet li hemm fid-Dikjarazzjoni Schuman hemm; “L-Ewropa mhux ser issir f’darba, jew skont pjan waħdieni. Se tinbena fuq kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà vera”.
Pajjiżna sar membru stat tal-Unjoni Ewopea fl-2004 grazzi għall-Partit Nazzjonalista li ħadem qatigħ sabiex Malta ssir parti minn din il-komunità u minkejja l-bsaten fir-roti mill-Partit Laburista, li baqa’ jinsisti fuq Partnership.
